Fi tmiem din il-ġimgħa, Bormla se tinbidel f’xena teatrali unika bil-festival Cospicua Short Play Festival. Din hija l-edizzjoni numru tmienja ta’ din l-attività, li issa saret parti importanti mill-kalendarju kulturali tar-raħal, u qed tkun organizzata mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Il-festival, li se jsir nhar il-Ġimgħa 26 u s-Sibt 27 ta’ Settembru, se joffri spettaklu ta’ tmien wirjiet qosra minn artisti differenti, f’postijiet varji madwar Bormla — fosthom ġonna, misraħ u toroq magħrufa. B’hekk il-belt se tinbidel f’teatru miftuħ li jiġbor flimkien residenti, viżitaturi u dilettanti tal-arti.
Il-proġett qed isir b’appoġġ finanzjarju mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli saħqet li l-festival mhux biss jagħti spazju lill-atturi lokali biex juru t-talenti tagħhom, iżda wkoll iħeġġeġ il-kollaborazzjoni u l-għaqda fil-komunità. Hija żiedet tgħid li permezz tal-finanzjament pubbliku, il-Kunsilli Lokali jistgħu jorganizzaw inizjattivi kulturali ta’ livell għoli li jġibu benefiċċju kemm għar-residenti kif ukoll għall-Maltin u l-Għawdxin li jżuru.
Is-Sindku Marco Agius spjega li l-wirjiet se jkunu mifruxa f’diversi żoni bħal Ġnien Santa Margerita, Misraħ Bormla u toroq oħra, biex jinħolqu spazji vibranti għall-arti u l-kultura. Huwa tenna li l-għan tal-Kunsill hu li jkompli jsaħħaħ il-Kottonera b’attivitajiet ta’ dan it-tip u spjega wkoll li se jkun hemm servizz ta’ Park & Ride biex jiffaċilita l-aċċess għall-udjenza.
Il-festival għandu l-għan ewlieni li jsaħħaħ l-identità kulturali ta’ Bormla, filwaqt li joffri esperjenza unika kemm lir-residenti kif ukoll lil min iżur il-belt.
Ritratti: DOI/MCLG
Aġġornament dwar il-post fejn se jsir dan il-festival minħabba l-maltemp:









