Malta ressqet uffiċjalment il-kandidatura tagħha biex tkun parti mill-Kumitat tal-Wirt Dinji tal-UNESCO għall-perjodu 2027-2031. Din il-mossa qed issir f’sena simbolika, hekk kif il-pajjiż qed jiċċelebra s-sittin anniversarju minn meta ngħaqad mal-UNESCO.
Il-Kumitat, imwaqqaf fl-1972 bħala mezz biex jissaħħu l-paċi u l-għaqda fost il-popli, huwa magħmul minn 21 pajjiż elett mill-196 stat firmatarju tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Wirt Kulturali u Naturali. Il-proċess tal-elezzjoni jsir f’Novembru tal-2027, u sa dak iż-żmien ikun hemm konsultazzjonijiet u diskussjonijiet bejn diversi stati membri.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega li fix-xhur u snin li ġejjin se ssir ħidma intensiva sabiex Malta tkun fil-pożizzjoni ideali biex tinkiseb l-elezzjoni. Jekk Malta tingħata l-fiduċja, ir-rappreżentanza tkun magħmula minn taħlita ta’ diplomatiċi u esperti Maltin fil-qasam tal-wirt kulturali.
Il-Ministru żied jgħid li din il-kandidatura turi kemm Malta hi impenjata favur il-multilateraliżmu, kif ukoll lejn il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali.
Illum il-ġurnata, Malta għandha tliet siti elenkati fil-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO: l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, it-Tempji Megalitiċi (li jingħaddu bħala proprjetà waħda b’ħames siti), u l-Belt Valletta.
Ritratt fl-artiklu: Owen Bonnici/ FB
Ritratt prinċipali: The Telegraph









