Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, qed imexxi l-ewwel parteċipazzjoni uffiċjali ta’ Malta fis-Summit Globali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC), li bħalissa qed isir f’Ruma. Is-Summit Globali tal-WTTC huwa l-iktar laqgħa annwali importanti tal-mexxejja tat-turiżmu, li tlaqqa’ flimkien ministri, uffiċjali għolja minn kumpaniji internazzjonali tat-turiżmu u l-ivvjaġġar, organizzazzjonijiet ta’ promozzjoni tad-destinazzjonijiet (DMOs), kif ukoll rappreżentanti tal-midja internazzjonali. Għall-edizzjoni ta’ din is-sena, ospitata mill-Italja, qed jattendu aktar minn 1,000 delegat minn madwar id-dinja.
Din hija l-ewwel darba li delegazzjoni Maltija qed tieħu sehem f’dan l-avveniment internazzjonali ewlieni, ftit xhur wara li Malta saret membru tal-WTTC. Matul il-jum tal-Ħadd, Dr Borg ingħaqad ma’ ministri tat-turiżmu u mexxejja oħra tal-industrija għal waħda mill-ewwel attivitajiet tas-Summit – id-Djalogu tal-Mexxejja Globali. Waqt diskussjoni bit-tema ‘Naqsmu l-aħjar prattiċi Ewropej mal-kumplament tad-dinja’, huwa tkellem dwar l-istrateġija ta’ Malta lejn tkabbir sostenibbli, b’enfasi fuq it-tnaqqis tal-istaġjonalità, id-diversifikazzjoni tal-offerta turistika, l-investiment f’esperjenzi aktar awtentiċi u ta’ valur miżjud għall-viżitaturi, kif ukoll l-integrazzjoni tar-responsabbiltà ambjentali u d-diġitalizzazzjoni f’kull stadju tal-iżvilupp turistiku.
“L-industrija tat-turiżmu Ewropea qed tkompli tiffaċċja pressjonijiet dejjem akbar, mill-emerġenza klimatika, għal inċertezzi ġeopolitiċi u bidliet fl-aspettattivi tal-vjaġġaturi, u biex nilqgħu għal dawn l-isfidi hemm bżonn innovazzjoni, trasformazzjoni u prodotti li jiggarantixxu tmexxija effettiva tad-destinazzjonijiet, sostenibbiltà u reżiljenza. Fl-aħħar mill-aħħar, il-mira ewlenija tibqa’ li nsaħħu l-kapaċità tagħna sabiex nibqgħu noffru esperjenzi awtentiċi, u memorabbli, għal dawk li jżuruna,” stqarr Dr Borg.
Fost il-kelliema ta’ dan is-summit globali, kien hemm ukoll il-Membru Parlamentari Ewropew, Daniel Attard, fl-irwol tiegħu bħala n-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew dwar it-turiżmu sostenibbli. Attard enfasizza li l-futur tat-turiżmu Ewropew għandu jkun mibni fuq erba’ pilastri – il-kultura bħala l-qofol tal-prodott turistiku, il-konnettività bħala ċ-ċavetta għall-gżejjer u r-reġjuni periferali, l-iżvilupp reġjonali biex il-ġid tassew jasal għand kulħadd u s-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali.
Id-delegazzjoni Maltija f’dan is-summit tinkludi lill-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, l-Ambaxxatur Malti għall-Italja, Daniel Azzopardi, flimkien ma’ uffiċjali għolja oħra. Matul is-Summit, id-delegazzjoni qed ikollha wkoll taħditiet mal-awtoritajiet turistiċi ta’ pajjiżi oħrajn, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ operaturi internazzjonali ewlenin.
Ritratti: MFT










