Inawgurat il-proċess ta’ riabilitazzjoni, restawr u konservazzjoni ta’ Villa Guardamangia – il-villa storika f’Tas-Sliema fejn il-Prinċipessa Eliżabetta, li aktar tard saret ir-Reġina Eliżabetta II, u l-Prinċep Filippu għexu bejn l-1949 u l-1951.
Il-proġett, li mistenni jdum madwar tliet snin u jiswa aktar minn €12-il miljun, għandu aktar minn €10 miljun finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Biex jixhdu l-bidu ta’ din il-fażi, żaru s-sit il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici u l-Ministru għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, li ġew imdawra mill-management ta’ Heritage Malta.
Dr Bonnici qal li dan hu pass importanti biex jiġi mħares u valorizzat wirt storiku ta’ sinifikat internazzjonali, filwaqt li fakkar li l-proġett seta’ jitwettaq bis-saħħa tal-akkwist tal-villa mill-Gvern u l-applikazzjonijiet għal fondi Ewropej. Min-naħa tiegħu, Dr Zrinzo Azzopardi sostna li l-proġett juri kif il-fondi Ewropej jistgħu jagħtu valur kulturali, soċjali u ekonomiku, billi trasformaw sit mitluq f’attrazzjoni sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, spjega li l-viżjoni hi li Villa Guardamangia ssir parti mill-memorja kollettiva tal-Maltin u post aċċessibbli għall-pubbliku.
Diġà saru diversi interventi, fosthom it-tisħiħ tal-binja, tindif estensiv u konservazzjoni ta’ statwi u oġġetti li kienu jintużaw fi żmien il-koppja rjali. Ġew ukoll identifikati u ppreservati pitturi dekorattivi fuq il-ħitan.
Il-villa, li tinkludi 18-il kamra, stalel, xelter u ġnien, se tkun restawrata kemm internament kif ukoll esternament, b’installazzjonijiet li jassiguraw sostenibbiltà ambjentali.
Meta jitlesta, ir-restawr se jagħti lill-viżitaturi esperjenza li terġa’ toħloq l-atmosfera tas-snin 50, b’wirja u dokumentarju li juru r-rabta ta’ Malta mal-familja rjali Ingliża fil-kuntest storiku tagħha.
Ritratt Oriġinali: Propjetà tal-Familja Boffa – mogħti b’permess biex jintuża fuq Wirtmalta.mt











