Nhar it-Tnejn li ġej 6 ta’ Ottubru 2025, jitla’ s-separju fuq it-tieni edizzjoni ta’ The Malta Festival of Ideas. L-ewwel forum se jibda fil-17.00 fi Studio B, fi Spazju Kreattiv: High Waves: Security, Dialogue and Opportunities in the Mediterranean.
Il-ġuf taċ-ċiviltà u l-punt ta’ laqgħa bejn żewġ kontinenti; il-qafas Mediterranju dejjem serva bħala spazju ta’ laqgħat bejn il-popli, skambji kulturali, artistiċi u kulinarji, kif ukoll djalogu fuq livell ta’ twemmin, etajiet u sfondi soċjoekonomiċi differenti. Madankollu, ir-reġjun spiss kien ukoll assoċjat ma’ instabbiltà politika, sfidi soċjoekonomiċi u ambjentali, u bilanċ imħarbat bejn l-iżvilupp teknoloġiku u dak soċjoekonomiku tal-pajjiżi tat-tramuntana u dawk tan-nofsinhar.
Demografikament, it-tramuntana u n-nofsinhar reġgħu jinsabu separati f’termini ta’ numri u movimenti. Il-kriżi umanitarja kkawżata minn żieda fl-instabbiltà politika, il-faqar u n-nuqqas ta’ ugwaljanza, flimkien mal-ascesa tal-politika populista u ta’ xellug estrem madwar l-Ewropa, qed ikollhom impatt dirett fuq ir-relazzjonijiet preżenti u futuri fir-reġjun. Billi tinsab fil-korsija bejn l-Afrika u l-Ewropa, Malta għal sekli sħaħ assorbit u rremudellat influwenzi minn kull rokna tal-Mediterran. Din it-taħlita eklettika kkontribwiet b’mod sinifikanti għat-tisħiħ tal-kultura, tal-lingwa u tal-abbiltà tal-gżira li tkun attur reġjonali minkejja d-daqs ġeografiku tagħha u l-aċċess limitat għal riżorsi naturali u umani.
Dan il-Forum għandu l-għan li jiġbor flimkien vuċijiet differenti mill-Mediterran biex jiddiskutu s-sigurtà, l-isfidi soċjali u umanitarji tal-lum, iżda wkoll biex b’mod kreattiv jirriflettu u jiddiskutu l-għadd ta’ opportunitajiet biex jinħoloq mill-ġdid il-potenzjal veru ta’ futur sinjur, multi-kulturali u ta’ suċċess għar-reġjun Mediterranju u n-nies tiegħu.
Il-programm tas-6 ta’ Ottubru se jkun jiftaħ hekk:
04:10pm- Jiftaħ id-Direttur tad-Direttorat tal-Kultura, Alexander Farrugia
04:15pm – intervent mid-Direttur Artistiku, Karl Fiorini
04:20pm – Intervent mis-Segretarju Permanenti għall-Affarijiet Barranin Mr Christopher Cutajar
04:25pm – Intervent mill-Assistent Direttur Clifford Galea
04:30pm – Diskors mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici.
Idħol fil-link biex tirreġistra: https://festivalofideas.mt/forums/

Ritratt: https://festivalofideas.mt/gallery-page/








