Il-wirja Homo Melitensis: An Incomplete Inventory in 19 Chapters, li fl-2017 irrappreżentat lil Malta għall-ewwel darba fil-Biennale ta’ Venezja, issa reġgħet lura lejn pajjiżna u qed tintrama fil-MUŻA, il-Belt Valletta. Din qed issir taħt l-inizjattiva RETOLD tal-Kunsill Malti għall-Arti, programm li jixħet dawl fuq proġetti kulturali Maltin li kisbu suċċess internazzjonali.
Matul l-inawgurazzjoni, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill, Dr Luke Dalli, qal li l-Kunsill huwa l-pjattaforma prinċipali li tappoġġja lill-artisti u lill-kreattivi Maltin u Għawdxin, u li permezz ta’ investiment kontinwu qed isaħħaħ il-preżenza tagħhom kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq skala globali. Huwa żied li l-inizjattiva RETOLD hija parti minn viżjoni usa’ li mhux biss tqanqal id-djalogu artistiku f’Malta, iżda wkoll tpoġġi lill-pajjiż fost l-aqwa fuq il-pjattaforma internazzjonali.
Min-naħa tagħha, Annabelle Stivala, Kap Eżekuttiv tad-Direttorat tar-Relazzjonijiet Kulturali Internazzjonali, enfasizzat l-importanza ta’ parteċipazzjonijiet bħal dawn biex il-profil kulturali ta’ Malta jkompli jikber. Hija fakkret f’kisbiet riċenti bħal rebħ ta’ midalja tad-deheb għall-proġett URNA fil-Biennale tad-Disinn ta’ Londra, kif ukoll il-parteċipazzjoni Maltija fi proġetti kulturali madwar id-dinja, u ħabbret li s-sena d-dieħla Malta se tieħu sehem għall-ewwel darba fil-Biennale tal-Arti ta’ Gwangju fil-Korea t’Isfel.
Il-proġett Homo Melitensis, ikkurat minn Raphael Vella u Bettina Hutschek, jindirizza t-tema tal-identità Maltija u jesplora aspetti marbuta mat-territorju, il-memorja, ir-reliġjon u l-lingwa. Dan l-“inventarju mhux komplut” jinkludi installazzjoni kumplessa li żviluppat permezz ta’ riċerka, diskussjonijiet ma’ esperti u artisti, u re-immaġinazzjoni artistika tar-realtà lokali.
Aktar tagħrif dwar il-programm RETOLD jinsab fuq artscouncilmalta.gov.mt.
RitrattI; Arts Council Malta














