Eluf ta’ nies inżlu l-Belt Valletta biex igawdu l-arti, il-kultura u l-ispettaklu matul Notte Bianca 2025, li għal sena oħra ttellgħet b’suċċess mill-Festivals Malta. L-edizzjoni ta’ din is-sena rat aktar minn 70 attività u proġett artistiku mifruxa mal-belt kapitali, bil-parteċipazzjoni ta’ madwar 350 artist lokali u internazzjonali.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li Notte Bianca tkompli tkun waħda mill-aktar ġranet mistennija fis-sena fejn il-Maltin u t-turisti jgawdu l-belt kapitali “f’atmosfera mimlija kuluri, mużika, spettaklu u ikel.” Huwa rringrazzja lil Festivals Malta talli kull sena tkompli ġġib ħajja lill-Belt permezz ta’ dan l-avveniment kbir.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli saħqet li Notte Bianca tkompli tattira eluf ta’ nies lejn il-Belt u faħħret ir-rwol tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li flimkien ma’ Festivals Malta wasslu għal suċċess ieħor.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, esprima l-apprezzament tiegħu lejn it-tim ta’ Festivals Malta u l-entitajiet kollha li taw sehhemhom, filwaqt li enfasizza l-kwalità u l-professjonalità li jiddistingwu l-festivals Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, sostna li Notte Bianca tibqa’ wieħed mill-festivals l-aktar maħbubin u mistenni fil-kalendarju kulturali, u rringrazzja lill-artisti, lill-forzi tal-ordni u lill-pubbliku għall-entużjażmu u l-appoġġ tagħhom.
Id-Direttur Artistiku Antoine Farrugia żied jgħid li l-programm ta’ din is-sena, imżewwaq u varjat, niżel tajjeb ħafna mal-udjenzi u kkonferma li l-edizzjoni kienet waħda ta’ suċċess.
L-edizzjoni li jmiss ta’ Notte Bianca se ssir is-Sibt, 3 ta’ Ottubru 2026.
Notte Bianca 2025 kienet organizzata minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, u b’kollaborazzjoni ma’ Coca-Cola, Vibe FM u European Heritage Days.
Ritratti: DOI – MCLG













