L-attività nazzjonali “Il-Mixja tal-President” b’risq il-Malta Community Chest Fund se ssir il-Ħadd, 30 ta’ Novembru 2025, bħala ġest ta’ solidarjetà u għaqda favur dawk fil-bżonn.
Il-parteċipanti se jibdew il-mixja tagħhom fid-9:15am, jew mill-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard jew mill-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, u minn hemm ilkoll flimkien jiltaqgħu Blata l-Bajda biex ikomplu lejn il-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
Il-mistoqsijiet u d-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, preseduta mill-President ta’ Malta, E.T. Myriam Spiteri Debono, li kienet akkumpanjata minn diversi uffiċjali u rappreżentanti, fosthom il-Ministru Clifton Grima, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Justin Schembri, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sports Malta Mark Cutajar, il-Chairman Eżekuttiv ta’ Enemed Kevin Chircop, u Melvin Bugeja mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
Il-President rringrazzjat lil kull min qed jikkontribwixxi biex din l-attività ssir b’suċċess u enfasizzat fuq l-importanza li t-tfal u ż-żgħażagħ jinżammu attivi fiżikament, mhux biss għall-ġid personali tagħhom iżda wkoll biex, permezz tal-isport, juru solidarjetà ma’ min għandu bżonn.
Il-Ministru Clifton Grima iddeskriva l-“Mixja tal-President” bħala ċelebrazzjoni ta’ għaqda, ġenerożità u volontarjat, waqt li Justin Schembri saħaq fuq il-messaġġ pożittiv li jġorru magħhom attivitajiet bħal dawn.
Bħas-snin ta’ qabel, l-avveniment se jkun imżejjen ukoll bil-parteċipazzjoni ta’ baned mużikali li se jakkumpanjaw lill-mixjiera sal-Pjazza San Ġorġ. Melvin Bugeja tenna li dan il-mument juri l-veru spirtu ta’ solidarjetà tal-Maltin u l-Għawdxin.
Kevin Chircop fakkar fl-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-kumpaniji privati u l-għan soċjali li tirrappreżenta l-Presidenza, filwaqt li Mark Cutajar spjega l-aspetti loġistiċi tal-avveniment u stedna lill-pubbliku jissieħeb billi jagħti donazzjoni ta’ €10 biex jakkwista l-flokk uffiċjali tal-attività. Dawn jistgħu jinxtraw minn Sant’Anton, il-Belt Valletta, Għawdex, Eurosport, jew minn faċilitajiet ta’ Sport Malta.
Din is-sena, “Il-Mixja tal-President” se tgħaqqad flimkien l-isport u l-kultura, f’ġurnata li tfakkar is-sens ta’ solidarjetà u komunità li dejjem jiddistingwu lill-poplu Malti.









