Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, fetaħ is-17-il Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta. Huwa ħabbar skema ġdida ta’ Working Holiday għaż-żgħażagħ ta’ dixxendenza Maltija, li se toffri opportunità biex iżuru Malta għal esperjenza ta’ xogħol jew studju filwaqt li jiskopru mill-qrib l-għeruq u l-identità Maltija tagħhom.
Din l-iskema se tidħol fis-seħħ f’Jannar tal-2026 u se tkun miftuħa għal żgħażagħ bejn it-18 u t-30 sena ta’ dixxendenza Maltija li jixtiequ jqattgħu żmien f’Malta, jiltaqgħu mal-familja tagħhom, u fl-istess ħin jiksbu ħiliet jew esperjenza ta’ xogħol.
Dr Borg spjega li l-iskema hija parti mill-ħidma tal-Ministeru biex isaħħaħ ir-rabtiet bejn Malta u l-komunitajiet Maltin madwar id-dinja. Huwa qal li dawn iż-żgħażagħ huma “ambaxxaturi żgħażagħ ta’ Malta u Għawdex”, u ħeġġiġhom biex jiġu jiskopru l-kultura u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż ta’ missirijiethom.
Din is-sittax-il laqgħa annwali hija l-ewwel waħda taħt il-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kunsill, li issa għandu 21 membru biex ikun hemm rappreżentanza aktar ġusta u mifruxa. Dr Borg laqa’ lill-membri l-ġodda u stedinhom biex iħarsu lejn il-futur b’ideat u perspettivi friski, filwaqt li rringrazzja lil dawk li ilhom jservu fuq il-Kunsill għall-kontribut prezzjuż tagħhom. Huwa esprima wkoll apprezzament għal dawk li temmew il-mandat tagħhom, b’mod partikolari lil Joseph Xerri, li ser jirtira wara snin twal ta’ servizz eċċellenti bħala Segretarju tal-Kunsill.
Fil-messaġġ tiegħu, id-Deputat Prim Ministru tenna l-importanza tal-kollaborazzjoni biex il-Kunsill ikompli jwettaq il-missjoni tiegħu b’mod effettiv. “Is-saħħa tal-preżenza globali ta’ Malta tinsab fil-konnessjonijiet li nżommu mad-diaspora tagħna,” huwa qal, waqt li enfasizza r-rwol kruċjali tal-Kunsill fit-tisħiħ ta’ dawn ir-rabtiet.
Fost l-inizjattivi li qed jitwettqu hemm il-promozzjoni tal-lingwa Maltija permezz tat-twaqqif ta’ 10 libreriji fi ħdan missjonijiet Maltin madwar id-dinja, li se jservu bħala ċentri kulturali u edukattivi. Barra minn hekk, il-Ministeru nieda wkoll kors online tas-sajf fil-Malti bħala lingwa barranija, bl-għan li jsaħħaħ il-lingwa fost id-dijaspora.
Fit-tħejjija għaż-żmien li ġej, Dr Borg saħaq fuq il-ħtieġa ta’ Kunsill li jkun attiv, reattiv u orjentat lejn il-futur. Huwa ħeġġeġ lill-membri biex ikomplu jiftħu l-orizzonti tagħhom, jaħdmu flimkien u jkomplu jservu ta’ pont bejn Malta u l-komunitajiet Maltin li jgħixu barra.
Ritratti: DOI – MFT












