Nhar it-Tnejn li għadda saret ċerimonja fil-Furjana biex titfakkar il-memorja tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Dun Karm, li twieled f’Ħaż-Żebbuġ fit-18 ta’ Ottubru 1871, miet nhar it-13 ta’ Ottubru 1961 — sittin sena ilu.
Il-monument tiegħu fil-Furjana kien il-post fejn saret din iċ-ċerimonja ta’ tifkira, li fiha ġie mfakkar bħala ġgant letterarju li permezz tal-kitbiet tiegħu wera l-imħabba kbira lejn pajjiżna u ħeġġeġ lill-Maltin biex ikunu huma li jmexxu lil Malta, ħielsa minn kull qawwa barranija.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, f’diskors qasir fisser kif Dun Karm uża l-pinna tiegħu biex iwassal il-messaġġ tiegħu bil-lingwa Maltija – f’żmien meta din ma kinitx meqjusa bħala lingwa letterarja. Huwa saħaq li grazzi għall-ħidma tiegħu, kibret l-istima lejn il-lingwa tagħna u, b’hekk, tissaħħet ukoll l-identità nazzjonali.
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll rappreżentanti mill-Kumitat Festi Nazzjonali, l-Akkademja tal-Malti u l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius.
Din iċ-ċerimonja kienet parti minn sensiela ta’ attivitajiet li qed isiru biex ifakkru l-wirt letterarju u storiku ta’ Dun Karm Psaila, li l-kontribut tiegħu jibqa’ pilastru fil-formazzjoni tal-identità u l-kultura Maltija.
Insellmu l-memorja tiegħu.











