Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, indirizza l-Konferenza Nazzjonali dwar il-Piroteknika bit-tema “Ċelebrazzjoni t’Arti u l-Kultura”, organizzata mill-Għaqda Piroteknika Maltija.
Din il-konferenza ġabret flimkien rappreżentanti mill-qasam tal-piroteknika, uffiċjali tal-gvern, xjenzjati, studenti u membri tal-komunità, kollha bil-għan li jħarsu lejn il-piroteknika mhux biss bħala spettaklu, iżda bħala arti li tgħaqqad ix-xjenza, il-wirt u l-identità Maltija.
Matul l-avveniment ġie mfakkar ukoll kif l-Għaqda Piroteknika Maltija rebħet borża ta’ fondi mill-Esplora Community STEM Fund, li jħeġġeġ lill-komunitajiet jersqu lejn ix-xjenza b’mod kreattiv, interattiv u edukattiv. Permezz ta’ dan il-proġett, l-Għaqda se toffri esperjenza edukattiva unika li tesplora x-xjenza wara l-logħob tan-nar – mill-kimika u l-fiżika, sal-impatt ambjentali u s-sigurtà. Il-programm jinkludi workshops, riżorsi onlajn u dimostrazzjonijiet prattiċi li jippromovu prattiċi siguri, sostenibbli u innovattivi.
Fil-messaġġ tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti saħaq fuq il-bżonn li jingħaqdu l-arti u x-xjenza biex nibnu futur innovattiv li jibqa’ marbut mal-identità Maltija. Huwa qal: “Il-logħob tan-nar mhux biss parti minn festa, iżda simbolu ta’ komunità li tgħaqqad il-passjoni mal-għarfien, u t-tradizzjoni mal-innovazzjoni. Dan hu l-ispirtu li rridu nkomplu nrawmu permezz tal-investiment tagħna fiż-żgħażagħ, fir-riċerka u fl-innovazzjoni.”
Dr Godfrey Farrugia, President tal-Għaqda Piroteknika Maltija, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din l-inizjattiva li qed toffri dimensjoni ġdida lill-piroteknika lokali. Huwa stqarr li: “Il-piroteknika hi arti li tgħix f’qalb il-komunità. B’dan il-proġett, qed inħarsu lejn futur fejn il-passat jispira edukazzjoni u innovazzjoni.”
Il-konferenza kkonfermat li l-piroteknika tibqa’ element vitali tal-identità Maltija, filwaqt li sservi wkoll bħala pjattaforma ta’ tagħlim, kreattività u riċerka. Permezz tal-kollaborazzjoni bejn l-Għaqda Piroteknika Maltija u l-Esplora Community STEM Fund, Malta qed tkompli turi kif il-kultura u x-xjenza jistgħu jimxu id f’id biex joħolqu futur sostenibbli u vibranti għall-ġenerazzjonijiet futuri.










