‘Żejt iż-Żejtun’ hija waħda mill-aktar ċelebrazzjonijiet folkloristiċi magħrufa f’Malta, li ssir fi żmien il-ġbir taż-żebbuġ kemm għall-ikel kif ukoll għall-għasir taż-żejt. Din is-sena l-festa se ssir fis-Sibt 25 ta’ Ottubru mill-7.00pm ’il quddiem u tkompli l-Ħadd 26 ta’ Ottubru sa nofsinhar, fl-edizzjoni tagħha numru 19.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Sindku taż-Żejtun Joan Agius, ħabbru din l-edizzjoni li tgħaqqad il-folklor, il-wirt agrikolu u l-identità taż-Żejtun. Il-festa għandha l-għan li tkompli tippromwovi l-kultivazzjoni tas-siġra taż-żebbuġ u tqajjem aktar apprezzament lejn iż-żejt Malti.
Il-Ministru Bonnici wera s-sodisfazzjon tiegħu li din iċ-ċelebrazzjoni saret waħda stabbilita fil-kalendarju kulturali Malti, u tenna li ‘Żejt iż-Żejtun’ jiġbor flimkien il-komunità, l-artisti u t-tradizzjoni f’esperjenza awtentika tal-identità Maltija.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret lill-Kunsill Lokali u lill-voluntiera għall-impenn tagħhom li kull sena jorganizzaw din il-festa b’dedikazzjoni u professjonalità. Hija semmiet ukoll kif permezz ta’ skemi ta’ finanzjament mill-Gvern Lokali, il-kunsilli jkollhom aktar appoġġ biex iħaddnu inizjattivi kulturali bħal din.
Is-Sindku Joan Agius qalet li ‘Żejt iż-Żejtun’ hija attività li tgħaqqad lir-residenti u tfakkarhom fil-valuri u fl-ispirtu komunitarju li jiddistingwi lil din il-belt. Hija enfasizzat li mhux biss tiċċelebra ż-żejt u ż-żebbuġ, imma wkoll il-ħidma, il-wirt u t-tradizzjonijiet taż-Żwieten.
Il-programm jibda s-Sibt filgħaxija bil-wasla tad-defilè tal-Granmastru, akkumpanjat mit-tnabar, żeffiena, daqqaqa u r-raħħala li jġorru ż-żebbuġ lejn iż-zuntier tal-knisja arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. Wara l-qari tal-bandu u t-tberik tal-qfief biż-żebbuġ, issegwi preżentazzjoni dwar il-varjetajiet tas-siġra taż-żebbuġ, flimkien ma’ għasir taż-żebbuġ frisk u t-togħma ta’ ftajjar biż-żejt ġdid.
Se jkun hemm ukoll prodotti lokali għall-bejgħ bħall-qagħaq tal-għasel, pudina tal-ħobż, ġulepp tal-ħarrub, qassatat u kotba bi riċetti bbażati fuq iż-żejt taż-żebbuġa. L-atmosfera tkun imżejna b’għana, żfin u artiġjanat Malti, kif ukoll bl-opportunità li wieħed jixtri siġar taż-żebbuġ u prodotti agrikoli.
Il-festa tkompli l-Ħadd filgħodu b’tberik tal-annimali fil-Ġnien San Girgor, flimkien ma’ wirjiet ta’ mogħoż u nagħaġ, logħob tradizzjonali għat-tfal, għana u stalls tematiċi. Matul il-weekend, il-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Katarina, l-Oratorju, is-Sala Parrokkjali u l-każini tal-baned Żejtun u Beland se jkunu miftuħa għall-pubbliku b’wirjiet marbuta mal-istorja u t-tradizzjoni taż-Żejtun.











