Ix-xogħlijiet ta’ restawr u konsolidament fuq it-Torri Storiku ta’ Għajn Tuffieħa, imwettqa mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, issa tlestew b’suċċess. B’dan l-intervent, ingħatat ħajja ġdida lil wieħed mit-torrijiet kostali mibnija fl-1637 fi żmien il-Gran Mastru Lascaris, li kienu jservu biex isaħħu s-sistema tad-difiża kostali ta’ Malta kontra l-attakki tal-korsari.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-protezzjoni tal-wirt storiku tibqa’ prijorità ewlenija għal dan il-Gvern. Huwa saħaq li t-Torri ta’ Għajn Tuffieħa mhux biss jixhed l-istorja difensiva ta’ pajjiżna, iżda jirrappreżenta wkoll simbolu tal-identità kostali Maltija. Grazzi għall-ħidma tad-Dipartiment tar-Restawr, issa qed tiġi żgurata l-preservazzjoni tat-torri f’kundizzjoni sigura u dinjituża għal ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Ministru esprima wkoll il-gratitudni tiegħu lejn il-ħaddiema tal-Awtorità tal-Artijiet għall-kollaborazzjoni sħiħa tagħhom matul il-proċess tax-xogħol.
It-torri kien sofra ħsarat serji fl-2023 meta ċ-Ċiklun Helios, bir-riħ u x-xita qawwija tiegħu, ikkawża li taqa’ s-sezzjoni ta’ fuq tal-faċċata li tħares lejn il-Lbiċ. L-Awtorità tal-Artijiet kienet intervjeniet immedjatament billi waqqfet scaffolding madwar il-binja biex tevita tiġrif ulterjuri.
Wara l-approvazzjoni tal-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar, f’Mejju 2025 bdew ix-xogħlijiet ta’ restawr strutturali li kienu jinkludu r-rikostruzzjoni tal-parti mġarrfa, is-sostituzzjoni ta’ elementi tal-ħadid imħassra, l-installazzjoni ta’ imwieżeb biex l-ilma tax-xita jitbiegħed mill-faċċati u t-tikħil ta’ fili miftuħa.
Illum, dawn l-interventi tlestew b’suċċess, u t-Torri ta’ Għajn Tuffieħa reġa’ sar xhieda ħajja tal-wirt arkitettoniku u storiku ta’ pajjiżna.











