Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli żaru dan il-proġett li qed jitmexxa mid-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni. Ix-xogħol beda f’Mejju ta’ din is-sena u mistenni jitlesta fil-bidu tal-2026. L-għan ewlieni hu li din il-mitħna, mibnija fl-1674 minn Nicolas u Rafael Cotoner, terġa’ tingħata l-għożża u l-ħajja li ħaqqha.
Il-Ministru Bonnici spjega li dan il-proġett juri kif il-gvern qed ikompli jieħu ħsieb il-wirt storiku b’rispett lejn l-identità tal-komunitajiet lokali. Huwa sostna li l-mitħna hija xhieda tal-ħila ta’ missirijietna u li permezz tal-ħidma professjonali tad-Dipartiment tar-Restawr, din l-istruttura storika se tibqa’ teżisti u tiġi apprezzata minn ġenerazzjonijiet futuri.
Minn naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan il-proġett hu parti minn sensiela ta’ inizjattivi ta’ restawr fil-Kottonera u madwar il-pajjiż, kollha mmirati biex il-wirt storiku jibqa’ jitgawda minn uliedna. Hija rrimarkat ukoll li dan ix-xogħol seta’ jitwettaq grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Kottonera, id-Direttorat tar-Restawr u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Il-perit inkarigat mill-proġett, Amanda Degiovanni, spjegat li x-xogħol jinkludi r-restawr tal-erba’ faċċati, it-torri u s-saqaf tal-mitħna. Parti mill-ġebel qed jiġi sostitwit b’ġebel tal-franka globigerina bl-istess dimensjonijiet, u qed isir tindif biex jitneħħa s-siment. Il-fili qed jiġu rrestawrati b’taħlita ta’ ġir idrawliku, filwaqt li l-aperturi esterni se jiġu restawrati jew mibdula b’xogħol tal-injam.
Is-saqaf tad-deffun oriġinali se jiġi mżomm u mtejjeb biss fejn ikun meħtieġ, b’materjal kompatibbli mal-finitura eżistenti. Il-proġett se jinkludi wkoll sistema ġdida ta’ dawl arkitettoniku biex juri aħjar il-valur storiku tal-bini.
Preżenti waqt iż-żjara kien hemm ukoll iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, u s-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius.












