Kmieni dalgħodu, il-President telqet lejn Londra fejn se żżur diversi sptarijiet li jilqgħu pazjenti Maltin għall-kura tal-kanċer u mard ieħor, fosthom ir-Royal Marsden Sutton Hospital, il-Great Ormond Street Hospital u s-St. Bartholomew’s Hospital.
Matul iż-żjara, se tiltaqa’ mas-Sorijiet Franġiskani li jassistu lill-pazjenti Maltin, kif ukoll mar-rappreżentanti ta’ Puttinu Cares. Il-President se tattendi wkoll quddiesa flimkien mal-pazjenti u l-qraba tagħhom li joqogħdu fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Londra.
Il-programm tagħha jinkludi wkoll attività mal-komunità Maltija fir-Renju Unit, organizzata mill-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Londra. Il-President hija akkumpanjata minn uffiċjali tal-Presidenza u tal-Malta Community Chest Fund.
Il-Ħadd, 2 ta’ Novembru, il-President u d-delegazzjoni tagħha se jmorru fi Strasburgu għal attività relatata maċ-ċelebrazzjonijiet tal-75 anniversarju tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Hemmhekk se tiltaqa’ mal-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Mattias Guyomar, u se tindirizza lil din il-Qorti. Il-President se tinawgura wkoll il-“Malta Lounge” fil-European Youth Centre u tattendi kunċert fl-Opéra national du Rhin, bl-artisti Maltin Joseph Calleja u Carmine Lauri fost dawk li se jittellgħu fuq il-palk.
Il-President mistennija tirritorna Malta nhar l-Erbgħa, 5 ta’ Novembru, u matul iż-żjara tagħha barra minn pajjiżna, Dott. Helena Dalli se sservi bħala Aġent President.








