Nhar is-Sibt, 1 ta’ Novembru 2025, fid-9:30am, l-Arċisqof Charles Scicluna se jmexxi quddiesa fil-Festa tal-Qaddisin Kollha fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, fejn jitfakkru wkoll il-75 sena mid-Domma tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija.
L-għada, il-Ħadd 2 ta’ Novembru, fid-9:30am, l-Arċisqof se jiċċelebra quddiesa b’suffraġju għall-mejtin kollha fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Annunzjata f’Ħal Balzan, bħala parti mill-Ġublew ta’ dawk li tilfu lil min iħobbu. Din il-quddiesa se tixxandar fuq TVM, Knisja.mt u Newsbook Malta.
Il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara jattendu għal dawn il-quddies u jitolbu għall-maħbubin tagħhom u għall-erwieħ kollha.
It-Tlieta, 4 ta’ Novembru, fis-6pm, Mons. Arċisqof se jmexxi quddiesa għall-erwieħ tas-saċerdoti u r-reliġjużi li mietu fl-aħħar tnax-il xahar. Din il-quddiesa ssir kull sena fl-ewwel Tlieta ta’ Novembru biex tonora u tfakkar lil dawn ħutna li ddedikaw ħajjithom għas-servizz tal-Mulej u tal-oħrajn. Fil-bidu jinqraw l-ismijiet tas-saċerdoti, il-patrijiet u s-sorijiet li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem minn Novembru li għadda. Din il-quddiesa se ssir fil-Konkatidral Metropolitan ta’ San Pawl, fl-Imdina.
Ritratt: Nicholas Agius Deguara – L-Arċidjoċesi ta’ Malta








