Inħarġet il-webapp ġdida ParksInMalta, għodda diġitali li tippermetti lill-pubbliku jsib u jiskopri fejn jinsabu l-ispazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni madwar Malta u Għawdex. Din tinkludi aktar minn 200 ġnien, park u bandla, u tagħti wkoll informazzjoni dwar x’tip ta’ attivitajiet jew avvenimenti jkunu qed isiru f’dawn l-ispazji.
Il-webapp, żviluppata minn Project Green, tagħti dettalji dwar il-karatteristiċi ta’ kull spazju — bħal jekk huwiex aċċessibbli għal siġġijiet tar-roti, jekk ikollux logħob inklussiv, outdoor gyms, toilets pubbliċi, jew żoni għal picnics.
L-inizjattiva ġiet imħabbra waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Ekonomija b’Saħħitha – Futur għal Uliedna” mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Il-Ministru Dalli qalet li din hija waħda mill-proġetti li tinsab l-aktar kburija bihom, għax fi ftit sekondi kulħadd jista’ jsib fejn jinsabu aktar minn 200 spazju ta’ rikreazzjoni madwar il-pajjiż. Hija żiedet li fil-Budget 2026, il-Ministeru tagħha se jirċievi €275 miljun – l-akbar allokazzjoni kapitali li qatt ingħatat lil dan is-settur, u li tfisser żieda ta’ 26% fi żmien sentejn.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza ta’ spazji miftuħa għas-saħħa mentali u għall-benesseri ġenerali tan-nies. Huwa fakkar li l-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-kura fil-komunità permezz ta’ tliet ċentri ġodda għal saħħa mentali msemmija fil-Budget 2026, biex in-nies isibu l-għajnuna meħtieġa qrib id-dar tagħhom.
Għal aktar informazzjoni u biex tesplora l-ispazji miftuħa f’Malta u Għawdex, tista’ żżur il-websajt uffiċjali parksinmalta.mt.
Ritratti: DOI / MEEC / MHA












