Id-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Universitả ta’ Malta bħalissa qiegħed itella’ serje ta’ filmati qosra fuq Facebook, Instagram, u Tiktok bħala parti mill-proġett tat-Tradizzjoni Orali. Dawn il-filmati jiċċelebraw oqsma differenti tat-tradizzjoni orali Maltija, bħalm’huma t-taqbiliet, il-laqmijiet, il-lingwaġġ tas-snajja’, il-leġġendi, iċ-ċajt, u l-istejjer popolari.
Il-Prof. Adrian Grima, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, jiddeskrivi t-tradizzjoni orali bħala “dak il-wirt kulturali ta’ kliem jew diskors li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra bil-fomm. L-istudju ta’ din it-tradizzjoni huwa bħallikieku ritratt tagħha f’mument storiku partikulari, mhux rendikont definittiv. Għax tradizzjoni hija tisħiħ ta’ wirt imma anki invenzjoni.”
Kull xahar qed jitla’ filmat, jew tnejn, li permezz tagħhom id-Dipartiment qiegħed iħeġġeġ lis-segwaċi biex jikkontribwixxu għar-riċerka tiegħu f’dan il-qasam billi jikkummentaw dak li jafu mit-tradizzjoni orali Maltija. B’hekk, ir-repertorju tal-materjal orali jkun jista’ jitkattar.
Il-proġett hu kkoordinat minn Yanika Schembri Fava, bis-sehem kreattiv tal-attur u kittieb Bradley Cachia u l-vidjografu Ilias Bugeja. Il-filmati li ttellgħu online s’issa ttrattaw it-taqbiliet tat-tfal, il-laqmijiet, u l-karattri tal-biża’ li spiss kienu jbeżżgħuna bihom aħna u nikbru.
Permezz tal-umoriżmu u l-użu ta’ karattri li kważi kważi huma karikaturi, dawn l-oqsma li għal xi wħud jafu jinħassu antikwati, qodma, u tradizzjonali wisq jieħdu sura ġdida, iktar kontemporanja, b’tali mod li jiksbu validità ġdid fir-realtajiet moderni tal-Maltin u l-Għawdxin.
Biex taraw dawn il-filmati, tistgħu ssegwu l-paġna tal-proġett tat-Tradizzjoni Orali fuq Facebook, jew il-profili tad-Dipartiment tal-Malti fuq Facebook, Instagram, u TikTok. Is-segwaċi mhumiex biss mistednin biex jaraw dawn il-vidjos, imma wkoll biex jikkontribwixxu l-għarfien tagħhom, f’ġieħ dan il-wirt tant importanti ta’ lsienna. Dan jistgħu jagħmluh b’sempliċi kumment jew messaġġ.
Kull espressjoni tiswa mitqilha deheb.
Minn Bradley Cachia.
Segwu wkoll: https://bradleycachia.mt/ għal aktar informazzjoni!








