Il-Kunsill Malti għall-Arti, flimkien mal-Ministeru għall-Kultura u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, organizza konferenza nazzjonali bit-titlu “Shaping the Future: National Arts Education Conference” li kienet iffukata fuq il-futur tal-edukazzjoni fl-arti u fuq il-proposta li tinħoloq Akkademja Nazzjonali għall-Arti Viżiva u Performattiva f’Malta.
Il-konferenza, li saret fl-MCAST f’Raħal Ġdid, ġabret flimkien edukaturi, artisti u rappreżentanti kulturali minn Malta u minn diversi pajjiżi Ewropej. Matulha ġew diskussi l-isfidi, l-opportunitajiet u l-investimenti meħtieġa biex jinbena qafas edukattiv u kreattiv aktar b’saħħtu u sostenibbli.
Il-Ministru Owen Bonnici saħaq fuq il-ħtieġa li jinħoloq sistema li tħeġġeġ l-edukazzjoni artistika biex jinbnew ġenerazzjonijiet kreattivi li jikkontribwixxu għas-soċjetà. Huwa spjega li permezz ta’ Viżjoni Malta 2050, il-Gvern qed jaħdem biex joffri aktar opportunitajiet u ħiliet li jsaħħu ż-żgħażagħ.
Il-Ministru Clifton Grima enfasizza wkoll ir-rwol tal-arti fit-tagħlim u fl-iżvilupp personali tal-istudenti, u qal li l-Gvern qed jinvesti biex joħloq aktar spazju għall-kreattività fil-proċess edukattiv.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Luke Dalli, qal li l-konferenza kienet pass importanti lejn sistema edukattiva kulturali inklussiva u aċċessibbli għal kulħadd, li tħeġġeġ karrieri sostenibbli fil-qasam tal-arti.
Il-konferenza kienet miftuħa b’diskors mill-Professur Helena Gaunt tar-Royal Welsh College of Music & Drama u segwita minn diversi preżentazzjonijiet minn istituzzjonijiet edukattivi u kulturali Maltin.
Panel imexxi minn Dr Giuliana Fenech laqqa’ flimkien esperti internazzjonali fl-edukazzjoni artistika minn pajjiżi bħall-Iżvizzera, il-Finlandja, is-Slovenja, ir-Renju Unit u r-Renju Unit, li qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar kif il-mudelli Ewropej tal-arti qed jevolvu biex jindirizzaw ir-realtajiet soċjali u kulturali tal-lum.
Din il-konferenza hija parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni u riċerka relatata mal-proposta għall-ħolqien ta’ Akkademja Nazzjonali għall-Arti Viżiva u Performattiva, li tifforma parti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024–2030.
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq artscouncilmalta.gov.mt.











