Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega li dan il-fond għandu l-għan li joffri appoġġ lill-organizzaturi, promoturi, u artisti jew bands involuti fix-xena tal-mużika rock f’Malta. Il-fond qed jiġi amministrat minn Festivals Malta.
Il-Ministru Bonnici qal li din l-inizjattiva tkompli tissaħħaħ il-mużika rock fil-pajjiż u toħloq aktar opportunitajiet għal artisti lokali biex juru t-talent tagħhom u jipproduċu avvenimenti ta’ livell għoli.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, enfasizza li l-fond jagħti għajnuna konkreta lill-promoturi u l-organizzaturi u li Festivals Malta hija impenjata li tkompli tinvesti f’dan is-settur sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-avvenimenti lokali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, żied li Rock’N Malta jservi bħala pjattaforma importanti li tappoġġja l-mużika rock f’Malta. Huwa fakkar li grazzi għal dan il-fond, din is-sena ġew organizzati kunċerti ta’ artisti internazzjonali bħal Dire Straits Legacy, Apocalyptica u Zucchero, kif ukoll ta’ festivals lokali bħal Rockwired, Rock the South u Dark Malta.
L-applikazzjonijiet għall-fond Rock’N Malta 2026 għandhom jingħalqu sal-21 ta’ Novembru 2025, u dawk interessati jistgħu japplikaw fuq www.festivals.mt/rocknmalta.












