Proprjetà pubblika f’Delimara ngħatat b’titolu ta’ kera lill-għaqda Breeds of Origin Conservancy sabiex tintuża bħala sit nazzjonali għar-riċerka, ir-riġenerazzjoni u l-konservazzjoni tal-bhejjem indiġeni u l-wirt kulturali marbut magħhom.
Din il-proprjetà, li tinsab fi Triq Delimara, Marsaxlokk, ġiet trasferita mill-Awtorità tal-Artijiet għal perjodu ta’ 15-il sena. Il-proġett għandu l-għan li jgħaqqad ix-xjenza mal-kultura permezz tar-riċerka u l-prinċipji ta’ rewilding, filwaqt li jħares it-tradizzjonijiet relatati mat-trobbija tal-bhejjem, bħal dik tar-ragħa, meqjusa bħala parti mill-wirt intanġibbli Malti.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li din l-inizjattiva tirrappreżenta pass importanti fil-protezzjoni tal-identità Maltija, billi tippreserva razzez u tradizzjonijiet uniċi li jiffurmaw parti mill-istorja u l-ħajja tal-poplu tagħna.
Is-Sur Robert Vella, Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, saħaq li dan huwa wieħed mill-ftit proġetti ddedikati għall-konservazzjoni tal-annimali, u esprima s-sodisfazzjon tiegħu quddiem il-passjoni tal-għaqda fit-twettiq tal-missjoni tagħha.
Darryl Grech, fundatur tal-Breeds of Origin Conservancy, enfasizza li l-figura tar-raħħal, il-mogħża Maltija u t-tradizzjonijiet marbuta magħhom huma parti integrali mill-patrimonju ħaj ta’ pajjiżna, li issa se jkun jista’ jitkompla jgawdi mill-protezzjoni u r-riġenerazzjoni meħtieġa.
Proprjetà pubblika li hija taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet ġiet trasferita b’titolu ta’ kera għal ħmistax-il sena, lill-għaqda non-governattiva Breeds of Origin Conservancy sabiex tintuża bħala sit ċentrali għar-riċerka, ir-riġenerazzjoni u l-konservazzjoni ta’ patrimonju kulturali intanġibbli marbut ma’ bhejjem indiġeni.










