Illum intemmet it-Tieni Edizzjoni tal-Malta Boat Show li saret matul din il-ġimgħa ġewwa Dockyard Creek, bejn Bormla u l-Isla. L-avveniment, li jiġbor kollox relatat mas-settur marittimu — industrija importanti għall-ekonomija Maltija — kellu suċċess kbir u kiber b’mod sostanzjali meta mqabbel mas-sena l-oħra. Din is-sena l-wirja estendiet fuq 1.5 kilometru ta’ mollijiet, b’aktar minn 75 esebitur u 160 dgħajsa ta’ kull daqs.
Għall-ewwel darba, il-Malta Boat Show laqgħet ukoll esebituri internazzjonali mill-Italja u Franza, li saħħew ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru marittimu ta’ eċċellenza fil-Mediterran, b’waħda mill-akbar bandieri marittimi fl-Ewropa u l-akbar fid-dinja fis-settur tas-Superyachts.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett sostna li filwaqt li darba kien hemm bżonn li l-industrija Maltija tippromwovi lilha nfisha barra minn xtutna, illum Malta saret destinazzjoni li tattira professjonisti, investituri u viżitaturi. Dan, qal il-Ministru, huwa sinjal ta’ tkabbir sostenibbli u fiduċja fil-pajjiż, filwaqt li enfasizza li s-settur marittimu hu wieħed mill-pilastri tal-Viżjoni Malta 2050. Huwa temm jgħid li s-suċċess tal-avveniment huwa frott ta’ ħidma kollettiva bejn dawk li jaħdmu fl-industrija, il-politika u s-settur privat.
Ritratti: MTIP








