Il-President ta’ Malta, E.T. Myriam Spiteri Debono, żaret l-istamperija Best Print Ltd., fejn segwiet l-aħħar fażi tal-istampar tal-ktieb “Tisjir mill-Qalb”, li bħas-snin ta’ qabel jinbiegħ b’risq il-Malta Community Chest Fund (MCCF).
Akkumpanjata mis-sid tal-kumpanija Mario Abela, il-President iltaqgħet mal-ħaddiema li ilhom għal ġimgħat jaħdmu fuq il-pubblikazzjoni. Għal din iż-żjara kienet ukoll preżenti Sina Bugeja, Chairperson tal-MCCF, flimkien ma’ uffiċjali tal-Presidenza u tal-Fond.
Il-ktieb ta’ din is-sena jiffoka fuq l-identità u l-kultura kulinarja Maltija, b’riċetti tradizzjonali li ġew adattati b’mod modern, kollha b’ingredjenti friski u staġjonali.
Fid-daħla tal-pubblikazzjoni, il-President tiddeskrivi l-ikel bħala aktar minn sempliċi tradizzjoni jew memorja, imma bħala “kumpann tal-vjaġġ tal-ħajja tagħna”, li jgħaqqad lin-nies madwar il-mejda u jrawwem is-sens ta’ komunità.
“Tisjir mill-Qalb” se jinbiegħ bil-Malti u bl-Ingliż matul il-Fiera tal-Ktieb fl-MFCC, Ta’ Qali, u minn ħwienet tal-kotba madwar Malta u Għawdex. Il-Ħadd li ġej, il-President se żżur il-fiera biex tiltaqa’ ma’ dawk li jixtru l-ktieb u tiffirma l-kopji tagħhom.
Il-qligħ kollu mill-bejgħ se jmur b’risq il-ħidma tal-MCCF, li tkompli tappoġġja lil min ikollu bżonn l-għajnuna tagħha.












