Il-grupp mużikali popolari Kantera beda uffiċjalment il-vjaġġ tiegħu fl-Istati Uniti, fejn se jkollu esperjenzi u kollaborazzjonijiet artistiċi ta’ livell internazzjonali. L-ewwel jiem tal-vjaġġ tagħhom kienu immarkati minn laqgħat importanti mal-Ambaxxatur Malti Dr Godfrey Xuereb, kif ukoll mad-Direttur fi ħdan il-Washington Performing Arts.
Matul dawn l-appuntamenti, il-membri ta’ Kantera kellhom diskussjonijiet ferm interessanti dwar il-mużika Maltija u l-possibbiltà li tinstema’ lil hinn minn xtutna. L-Ambaxxatur Xuereb laqa’ bil-qalb lill-grupp u enfasizza l-importanza li artisti Maltin jippromovu l-kultura u l-identità tagħna fuq skala globali.
Il-grupp iltaqa’ wkoll ma’ Rick Fowler, professjonist fil-qasam tal-produzzjoni mużikali li jaħdem mill-qrib ma’ The Beach Boys, wieħed mill-aktar ismijiet emblematiċi fil-mużika Amerikana. Din il-laqgħa fetħet il-bieb għal diskussjonijiet u ideat ġodda ta’ kollaborazzjoni, li jistgħu jsaħħu l-preżenza ta’ Kantera fuq ix-xena internazzjonali.
Il-vjaġġ fl-Amerika jirrappreżenta pass ieħor importanti fil-karriera ta’ Kantera, li tul is-snin kisbu popolarità f’Malta għal stil uniku li jgħaqqad l-elementi tradizzjonali mal-mużika moderna.
Kantera qalu li jinsabu eċċitati u kburin li qed jirrappreżentaw lil Malta barra minn xtutna, u wegħdu li se jaqsmu mal-pubbliku tagħhom il-mumenti u l-esperjenzi kollha li jakkumpanjaw dan il-vjaġġ mużikali speċjali.








