Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, nieda tliet programmi ta’ finanzjament għall-2026 – BOOST, INVEST u Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda – bil-għan li jsaħħu l-għaqdiet u l-movimenti taż-żgħażagħ madwar Malta u Għawdex. Dawn l-iskemi, imħaddma minn Aġenzija Żgħażagħ, juru l-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ is-settur volontarju u joffri aktar opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni u żvilupp personali.
Il-Gvern se jinvesti €868,000 f’dawn il-programmi: €400,000 għall-iskema BOOST, €90,000 għat-Taħriġ Mużikali, u €378,000 fuq tliet snin għall-programm INVEST. Skont is-Segretarju Parlamentari, dawn l-inizjattivi jpoġġu liż-żgħażagħ fiċ-ċentru tal-politika pubblika, billi jsaħħu l-komunitajiet u jinkoraġġixxu żgħażagħ biex juru l-potenzjal tagħhom.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li l-iskemi qed jagħtu ħajja ġdida lill-komunitajiet u joffru spazju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jwettqu l-ideat tagħhom, filwaqt li rringrazzjat lill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda għall-kollaborazzjoni tagħha.
Dettalji dwar l-iskemi
-
BOOST – fond ta’ €400,000 għall-għaqdiet taż-żgħażagħ biex jixtru riżorsi u jtejbu l-ħidma tagħhom. Kull għaqda tista’ tapplika għal sa €3,000. Applikazzjonijiet jiftħu fit-12 ta’ Jannar 2026 fuq vofunding.org.mt, sakemm jintemm il-fond.
-
Taħriġ Mużikali taż-Żgħażagħ fil-Każini tal-Banda – f’kollaborazzjoni mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, tkopri xiri ta’ strumenti jew ħlasijiet tat-tagħlim mużikali. Kull każin jista’ japplika għal sa €2,500. Applikazzjonijiet jiftħu wkoll fit-12 ta’ Jannar 2026.
-
INVEST – fond operattiv fuq tliet snin b’total ta’ €378,000, biex jgħin lill-għaqdiet jkopru spejjeż relatati mal-ingaġġ ta’ ħaddiema. Għaqdiet jistgħu japplikaw għal sa €60,000 jew €36,000, skont in-numru ta’ membri. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jintemmu fit-19 ta’ Novembru 2025.
Aktar informazzjoni u applikazzjonijiet huma disponibbli fuq youth.gov.mt/schemes jew billi wieħed jikkuntattja lill-Aġenzija Żgħażagħ fuq [email protected].









