Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar l-Uffiċċju Konġunt biex jara mill-qrib il-progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-1991 bejn il-Gvern ta’ Malta u s-Santa Sede. Dan il-ftehim jippermetti li proprjetajiet immobbli li m’għadhomx jintużaw mill-Knisja għal skopijiet pastorali jgħaddu għand il-Gvern sabiex jintużaw għall-ħtiġijiet pubbliċi, b’enfasi fuq dawk soċjali.
S’issa, l-Uffiċċju Konġunt laħaq il-mira li jirreġistra 73% tal-proprjetajiet kollha li ġew trasferiti lill-Gvern, bil-pjan li jintlaħaq 80% sal-aħħar tal-2026 u 90% sal-2027.
Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-ħaddiema tal-Uffiċċju Konġunt għall-impenn tagħhom u tenna li l-Gvern se jkompli jaħdem biex il-proprjetà pubblika tkun reġistrata u amministrata b’mod trasparenti, sabiex tkun tista’ tintuża għall-benefiċċju tal-poplu Malti u Għawdxi.
Hu saħaq ukoll li s-sistema ta’ diġitalizzazzjoni tat-reġistrazzjoni tat-trasferimenti tat proprjetà mmodernizzat il-proċess u għamlitu aktar effiċjenti. Dan il-ftehim, qal il-Ministru, jibqa’ pass storiku fil-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja, li permezz tiegħu sar possibbli li ħafna proprjetajiet jintużaw għal skopijiet soċjali, edukattivi, tas-saħħa u ta’ akkomodazzjoni.
Ritratti: MCLG











