Wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2026, il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv ix-xiri tas-sede storika tal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta – waħda mill-eqdem u l-aktar rispettati soċjetajiet fil-pajjiż.
Din il-miżura kienet meħtieġa sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn is-soċjetà setgħet tiġi żgumbrata mis-sede tagħha minħabba kwistjoni legali marbuta mal-kirjiet antiki. Il-Ministeru investa total ta’ €7.4 miljun għall-akkwist tal-binja u €1.8 miljun f’danni lis-sidien, li jammontaw għal €9.2 miljun f’dan il-każ biss.
B’dan l-investiment, telgħu għal 13 in-numru ta’ każini tal-banda li l-Gvern akkwista b’mod definittiv, filwaqt li proprjetà oħra – dik tas-Soċjetà Madonna ta’ Pompei ta’ Marsaxlokk – tinsab fil-fażi ta’ konvenju u mistennija tiġi finalizzata dalwaqt.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dan l-investiment juri l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ il-festi Maltin u jassigura li l-proprjetajiet kulturali jibqgħu jintużaw għall-ġid tal-komunità. Huwa fakkar li s’issa aktar minn €30 miljun ġew investiti sabiex jiġu salvati 14-il każin tal-banda madwar Malta u li l-festi Maltin issa wkoll igawdu rikonoxximent mill-UNESCO bħala Wirt Intanġibbli Dinji.
“Dan kollu juri kemm Malta għandha ekonomija b’saħħitha u Gvern li tassew jemmen fil-wirt kulturali u fl-identità Maltija,” temm jgħid il-Ministru.
Ritratti: DOI/ Jason Borg











