Beppe Caruana se jikteb kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu hekk kif ġie magħżul bħala wieħed mill-finalisti tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-kompetizzjoni prestiġjuża Taljana Zecchino D’Oro. Beppe se jkanta l-kanzunetta oriġinali bit-Taljan, “Toc Toc”.
Il-Public Broadcasting Services (PBS), flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, kellhom rwol importanti biex jiffaċilitaw il-proċess li permezz tiegħu tfal Maltin setgħu japplikaw għal dan il-festival. Dan beda wara sejħa ta’ interess li saret f’April li għadda, li ġibdet parteċipazzjoni kbira minn tfal Maltin. Fl-ewwel fażi ntgħażlu għaxar kantanti żgħar biex jagħmlu audition f’Scicli, Sqallija, u minn hemm tlieta biss komplew lejn Bolonja għal stadju ieħor ta’ auditions. Fl-aħħar mill-aħħar, minn fost eluf ta’ applikanti Taljani u barranin, Beppe ġie magħżul bħala wieħed mill-finalisti tal-68 edizzjoni ta’ Zecchino D’Oro.
Beppe issa jingħaqad ma’ lista twila ta’ kantanti tfal Maltin li matul is-snin irrappreżentaw lil pajjiżna f’dan il-festival storiku, li beda fl-1959. Il-parteċipazzjoni Maltija bdiet fl-1962 b’Raymond Debono, li rebaħ il-festival bil-kanzunetta La Giacca Rotta. Minn dakinhar, diversi tfal Maltin ħadu sehem, fosthom John Sultana (1962), Vincent Cutajar (1963), Mary Rose Darmanin (1964), Vincent Vella Jr. (1966), Stefan Galea (1982), Jacqueline Spiteri (1993), Christian Grech (2002), Nicole Azzopardi (2006), u Enya Magri (2009).
Min hu Beppe? Huwa attur u kantant żagħżugħ li kien membru tal-La Voix Choir, magħrufa għall-parteċipazzjoni tagħha f’Malta’s Got Talent fl-2022, fejn kisbu l-Golden Buzzer. Beppe ħa sehem ukoll f’diversi produzzjonijiet teatrali mal-kumpanija Masquerade. Barra l-palk, għandu passjoni kbira għall-qari.
Dwar l-esperjenza tiegħu, Beppe qal: “Ħadt vera gost u hi esperjenza sabiħa ħafna li nkun parti minn din il-kompetizzjoni prestiġjuża.”
Il-finali ta’ Zecchino D’Oro se ssir nhar it-30 ta’ Novembru, fejn Beppe se jkun qed ikanta “Toc Toc” flimkien ma’ Sophia, kantanta żgħira mill-Italja. Awguri Beppe — Malta warajk!
- Screenshot











