Mijiet ta’ familji attendew l-attività “Iż-Żunżana Ddur Iddur fil-Pjazza tal-Imtarfa”, li saret biex tiġi ċċelebrata l-inawgurazzjoni uffiċjali tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Imtarfa — proġett li sar b’investiment ta’ €1.5 miljun.
Matul din l-attività, il-pubbliku seta’ jgawdi minn atmosfera ferriħija mimlija logħob tradizzjonali Malti, mużika tal-banda u ikel tipiku Malti.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu li, wara aktar minn sena xogħol, il-pjazza ġiet trasformata f’spazju ikbar, isbaħ u aktar aċċessibbli. Huwa sostna li “qegħdin inroddu lura pjazza tan-nies”, u żied jgħid li attivitajiet bħal dawn għandhom isiru ta’ spiss f’żoni pedonali u spazji miftuħa li fihom il-Gvern qed jinvesti biex joħloq ambjent ta’ kwalità għall-familji Maltin u Għawdxin.
Is-Sindku tal-Imtarfa Dale Hayman rringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u lis-Segretarjat Parlamentari tal-proġett, filwaqt li afferma l-impenn tal-Kunsill Lokali biex ikompli jorganizza attivitajiet għall-familji u r-residenti Mtarfin f’din il-pjazza riġenerata.
Preżenti wkoll għall-inawgurazzjoni kienu l-Membru Parlamentari Ewropew u eks Sindku tal-Imtarfa Daniel Attard, kif ukoll is-Sindku uxxenti Kyle Mifsud.
Ritratti: DOI/MTIP_PS












