Ilbieraħ, il-Ħadd 9 ta’ Novembru 2025, ġie mfakkar Jum it-Tifkira — jum iddedikat lill-vittmi taż-żewġ Gwerer Dinjija. Festivals Malta, permezz tal-Kumitat Festi Nazzjonali, organizza ċelebrazzjoni kommemorattiva li bdiet b’quddiesa konċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-9:30 ta’ filgħodu. Il-quddiesa, li kienet iċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Charles J. Scicluna, tixxandret ukoll dirett fuq TVM.
Qabel il-quddiesa, il-President ta’ Malta wettqet spezzjoni tal-Gwardja tal-Unur mill-Forzi Armati ta’ Malta, akkumpanjati mill-Banda tal-Forzi Armati.
Wara, fis-10:40 ta’ filgħodu, saret iċ-ċerimonja ta’ tifkira biswit il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana, fejn tqiegħdu kuruni tal-fjuri f’ġieħ il-vittmi tal-gwerer. Il-kuruni tqiegħdu mill-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u minn diversi persuni distinti, waqt li l-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien ma’ organizzazzjonijiet oħra, ffurmaw il-Gwardja tal-Unur matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-kuruni.








