Ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-mafkar dedikat lill-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici fi Pjazza Kastilja, fejn faħħar il-legat tiegħu li għadu jinħass sal-lum. Huwa ddeskrivieh bħala raġel ta’ integrità, umiltà u ġustizzja soċjali, li qatt ma beża’ jgħid tiegħu u kien dejjem qrib in-nies.
Dr Abela sostna li Karmenu Mifsud Bonnici ħalla warajh wirt politiku u morali qawwi, fosthom l-introduzzjoni tal-prinċipju tan-newtralità u r-rikonoxximent tal-rieda tal-maġġoranza bħala l-ogħla awtorità, bidliet li saħħew id-demokrazija Maltija. Żied jgħid li għal Mifsud Bonnici, Malta kienet parti minn realtà akbar – dik tal-Mediterran – u li dejjem emmen fil-libertà tal-popli.
Il-mafkar, maħdum fl-Italja minn Heritage Malta f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Kultura taħt l-awspiċi tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, huwa xogħol tal-artist Malti Manuel Farrugia. Dan jikkonsisti f’pedestall tal-ġebla Maltija u statwa tal-bronż li turi lil Mifsud Bonnici b’mod realistiku u kontemporanju, bħala raġel ta’ ħidma u dedikazzjoni lejn il-poplu.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici ddeskrivieh bħala persuna awtentika u ġentlom li ma għamel qatt kompromess ma’ dak li kien jaf li hu sewwa. Qal li l-monument hu sinjal ta’ rispett lejn raġel li ta kollox għal pajjiżu.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta Mario Cutajar enfasizza li l-monumenti bħal dan għandhom ifakkru l-istorja u l-esperjenzi tal-poplu Malti, biex permezz tagħhom inkunu nistgħu nifhmu aħjar min aħna u nħarsu ’l quddiem b’iktar fiduċja.
- Processed with VSCO with g6 preset
- Processed with VSCO with g6 preset
- Processed with VSCO with g6 preset
- Processed with VSCO with g6 preset
Ritratti: OPM












