Fil-Budget 2026, il-Gvern żied l-allokazzjoni għall-Kunsilli Lokali b’€2 miljun. Barra minn hekk, dawk il-kunsilli li jinsabu f’lokalitajiet popolari mat-turisti se jirċievu fondi addizzjonali. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, li saħqet li ż-żidiet huma konferma tal-impenn tal-Gvern li jkompli joffri aktar skemi u fondi bħalma għamel fis-snin ta’ qabel.
Zerafa Civelli tkellmet waqt żjara fi Ġnien is-Serenità (magħruf ukoll bħala l-Ġnien taċ-Ċiniżi), fejn ġew installati kameras ta’ sigurtà permezz ta’ skema li tgħin lill-lokalitajiet ikunu aktar siguri. Hija sostniet li l-Kunsilli Lokali u Reġjonali għandhom rwol dirett fil-ħajja ta’ kuljum tar-residenti u għalhekk il-Gvern se jkompli jinvesti fl-attivitajiet u proġetti li dawn imexxu.
Hija żiedet li s-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jsaħħaħ il-kultura u t-talenti lokali, kif ukoll l-iskemi marbuta ma’ proġetti infrastrutturali u l-indafa pubblika. Il-Kunsilli se jibbenefikaw minn diversi proġetti ġodda f’kollaborazzjoni ma’ entitajiet bħal Project Green, id-Dipartiment tar-Restawr, ix-Xogħlijiet Pubbliċi u oħrajn, li jinkludu spazji miftuħa, rinnovar ta’ żoni pedonali, bankini u toroq.
Is-Segretarju Parlamentari żiedet li dawn l-inizjattivi kollha għandhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji madwar Malta u Għawdex. Fosthom hemm it-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Viżjoni Strateġika Nazzjonali għall-Gvern Lokali li tħeġġeġ governanza aktar intelliġenti, parteċipazzjoni komunitarja u aktar deċentralizzazzjoni.
Id-Direttur Ġenerali għas-settur, Emile Vassallo, għamel enfasi fuq ix-xogħol li għaddej sabiex is-servizzi tal-kunsilli jkunu aktar diġitali u aċċessibbli għar-residenti. Semma wkoll l-impenn fuq it-taħriġ għall-impjegati, kunsilliera u sindki—inkluż taħriġ barra minn Malta—biex isaħħu l-ħiliet tagħhom.
Is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St. John, faħħret l-għajnuna li l-kunsilli qed jirċievu permezz tal-iskemi. Semmiet li fil-Ġnien is-Serenità ġew installati kameras ġodda u nbniet sala għall-komunità permezz tal-istess fondi. Dawn l-inizjattivi qed jippermettu li jsiru aktar proġetti, manutenzjoni u attivitajiet fil-lokalitajiet.
Ritratti: MCLG_PS/DOI











