Id-dramm Menz ta’ Francis Ebejer, li jittratta temi bħall-libertà, il-paċi interjuri u l-assurdità tal-ħajja, se jitwassal għall-ewwel darba mill-Għaqda Dwal Ġodda fl-Ispazju Teatrali tal-Għargħur bejn il-14 u s-16 ta’ Novembru.
Il-ħolma tad-dramm tibda meta l-karattru prinċipali, Menz, jidher f’pjazza mingħajr ma jkun ċar għalfejn hemm. Dan il-misteru jwassal biex jibdew jinxterdu x-xnigħat, filwaqt li storja ta’ mħabba kumplessa u serje ta’ mwiet misterjużi jkomplu jkabbru t-tensjoni. Meta Menz ittella’ għall-ewwel darba fit-Teatru Manoel, kien meqjus bħala xogħol avvanzat li mexxa lit-teatru Malti ’l quddiem u ressqu lejn il-movimenti Ewropej ta’ żmienu. Minkejja li nħoloq fl-1967, it-temi tiegħu għadhom jinstemgħu b’saħħithom illum.
Martin, mill-Għaqda Dwal Ġodda, jirrakkonta li kien ilu snin iħoss li dan id-dramm kellu jittella’, wara li fl-1985 kien saħansitra talab il-permess lill-awtur innifsu. “Sena wara sena kont inħoss li għadu mhux il-mument,” jgħid. “Imma issa ddeċidejna li nagħlqu s-sena Ċentinarja ta’ Ebejer b’din l-isfida, u nistqarr li kien hemm ftit biża’, iżda ferm aktar determinazzjoni.”
Dwar l-esperjenza li se tistenna lill-udjenza, Martin u Martha-Marie Gauci jgħidu: “Il-pubbliku se jidħaq, minkejja li Menz mhux kummiedja; se jaħseb, minkejja li t-temi huma dwar instabbiltà u stabbiltà. Iżda fuq kollox, kull persuna se tieħu magħha xi ħaġa personali ħafna — kemm fuq livell simboliku u artistiku, kif ukoll fil-mod kif tirrelata mal-ħajja ta’ kuljum.”
Awguri lill-atturi kollha.








