Il-Ġnien tal-Kmand fil-Qrendi – wieħed mill-ispazji l-aktar storiċi tal-lokalità; qed jingħata ħajja ġdida permezz ta’ proġett ta’ restawr u riġenerazzjoni. Dan il-ġnien, li jmur lura għal żmien il-Kavallieri u li għal snin twal kien jintuża għas-sistema tal-ilma, illum għandu wkoll valur kulturali u komunitarju bħala spazju miftuħ għar-residenti.
Il-Ministru Owen Bonnici u l-Ministru Miriam Dalli, flimkien mas-Sindku David Schembri u l-Viċi Sindku Anthea Sacco, żaru x-xogħlijiet li bħalissa qed isiru minn Project Green b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Il-Ministru Bonnici spjega li l-Ġnien tal-Kmand mhux biss spazju storiku, iżda post importanti għall-komunità tal-Qrendi u parti minn sensiela ta’ proġetti li qed jagħtu lura lill-pubbliku aktar spazji miftuħa. Min-naħa tagħha, il-Ministru Dalli qalet li dan il-proġett jirrifletti l-mod kif l-ambjent jista’ jkun parti mill-ħajja ta’ kuljum, u kif ġonna bħal dawn jgħinu japprezzaw aktar is-sabiħ tal-lokalitajiet tagħna.
Il-ġnien, mibni fil-bidu tas-seklu 19 minn Sir Alexander Ball, huwa maqsum f’żewġ partijiet b’passaġġi u siġar taċ-ċitru. Il-proġett qed jippreserva l-elementi storiċi tiegħu filwaqt li jagħtih funzjoni rikreattiva u ambjentali. Ix-xogħlijiet jinkludu tiswija tas-sistema tal-ilma, tindif u tneħħija ta’ ħaxix ħażin, kif ukoll il-ħolqien ta’ maze li saret attrazzjoni ewlenija. Sa issa nġabret madwar 1.5 tunnellata skart. Fit-tieni fażi se jkompli x-xogħol ta’ restawr u jitħawlu aktar siġar.
Il-proġett jkopri madwar 1,600 metru kwadru b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, bil-għan li l-ġnien jiġi restawrat kompletament u jerġa’ jintuża mill-pubbliku, filwaqt li jkompli jirrifletti l-identità storika tal-Qrendi.
- Minister for Culture, Lands and Local Government Owen Bonnici and Minister for the Environment, Energy and Public Cleanliness Miriam Dalli visit works at Il-Ġnien tal-Kmand