Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar l-aħħar preparamenti tal-Festival tal-Arti ŻiguŻajg li din is-sena qed jittella’ kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. Dan il-festival ta’ kreattività u ispirazzjoni qed jiċċelebra l-15-il edizzjoni tiegħu, u f’dawn is-snin sar appuntamenti importanti fil-kalendarju kulturali tal-familji Maltin u Għawdxin. Ix-xogħol konsistenti tul dan il-vjaġġ wassal biex illum niċċelebraw mhux biss dak li nkiseb, iżda wkoll l-ispazju li sabu t-tfal biex jesploraw id-dinja permezz tal-arti.
Il-Ministru Camilleri saħaq li l-festival jagħti ċans lit-tfal jużaw l-arti bħala mezz espressiv sa minn età żgħira, kemm fil-qasam tad-drama, iż-żfin, il-kant u l-arti viżiva.
Il-festival ta’ din is-sena, li qed isir bejn il-14 u t-23 ta’ Novembru f’Għawdex, il-Belt Valletta u l-Birgu, jerġa’ jagħti l-ħajja lit-toroq u l-ispazji kulturali permezz ta’ produzzjonijiet tat-teatru, mużika, film, puppets, żfin u esperjenzi interattivi, kollha maħluqa apposta għall-familji.
Id-Direttur Artistiku Marta Vella qalet li huma kburin li qed jippreżentaw l-aktar programm estensiv li qatt sar f’Għawdex, bi spettakli għall-iskejjel, għall-pubbliku u attivitajiet fil-komunità – programm li fih kulħadd isib xi ħaġa għalih.
Għawdex għandu preżenza qawwija fil-festival b’serje ta’ produzzjonijiet iddisinjati għat-tfal Għawdxin. Dawn jinkludu esperjenzi għal kull età, mill-produzzjoni Chasing Rainbows għat-trabi u tfal żgħar, għal Anton u l-Għakruxu u produzzjonijiet oħra mmirati għal tfal bejn 8 u 10 snin, inklużi workshops u xogħlijiet bħall-Planet Much N’ Staff.
Il-Gvern jibqa’ impenjat li joffri lill-ikel tagħna aċċess għall-aqwa arti u li jkompli jkabbar il-kreattività bħala forza li tmexxi ’l quddiem ġenerazzjonijiet ġodda.
ŻiguŻajg huwa proġett tal-Fondazzjoni Kreattività u jsir grazzi għall-kollaborazzjoni ma’ Spazju Kreattiv, il-Kunsill Malti għall-Arti, diversi Ministeri u entitajiet oħra, kif ukoll is-sħubija ta’ Benna, Malta Public Transport u Inkontru.
Il-Ministru Camilleri rringrazzja lil kull min qed jagħmel dan il-festival possibbli u ħeġġeġ lill-familji kollha biex jattendu u jgawdu produzzjonijiet ta’ livell għoli mfassla apposta għat-tfal u ż-żgħażagħ.
Il-programm u l-biljetti jinsabu fuq http://ziguzajg.org
Ritratti: MGP










