Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg kien preżenti għat-tnedija tal-applikazzjoni ġdida ‘MCC Museum’, mużew virtwali Li jippreżenta l-punti kollha ta’ interess f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. L-app tuża teknoloġija innovattiva mmexxija bl-intelliġenza artifiċjali u toffri awdjogwida, informazzjoni viżiva, diversi lingwi, chatbots ma’ karattri storici u anke mappa virtwali biex tiggwida lill-utenti. Ġiet maħluqa wkoll verżjoni għat-tfal bil-karattru ‘Oranġjo’.
Mat-tnedija, id-Deputat Prim Ministru tenna li t-teknoloġija qed tagħmel l-istorja aktar aċċessibbli kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti, u li Dar il-Mediterran għandha tkompli sservi bħala ċentru ewlieni għall-konferenzi, il-kultura u t-turiżmu fil-Belt Valletta. Huwa spjega li l-binja trid tibqa’ post li jilqa’ artisti, avvenimenti kulturali u viżitaturi li jixtiequ jiskopru l-wirt storiku tagħha.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCC, Nigel Vella, qal li l-app tgħaqqad il-passat mal-preżent u toffri esperjenza li mhux biss turi l-arkitettura u s-swali sbieħ, iżda tagħti wkoll għarfien dwar min għadda minn dawn il-kurituri u r-rwol li l-binja kellha tul iż-żmien. Żied jgħid li din l-inizjattiva turi kemm huwa importanti li nintegraw it-teknoloġija fl-oqsma kollha tal-ħajja.
Il-pubbliku huwa mistieden iżur Dar il-Mediterran għall-Konferenzi f’open day nhar il-Ħadd li ġej bejn l-10am u l-5pm. Matul it-tnedija saret ukoll preżentazzjoni minn Dylan Seychell ta’ Sey Travel, li żviluppa l-app u spjega l-funzjonalitajiet kollha tagħha.











