Sa anke dan il-ħin bħalissa, għaddejjin l-aħħar preparamenti għar-raba’ edizzjoni tal-kunċert annwali A Night at The Movies II mis-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar, li għada, is-Sibt 22 ta’ Novembru 2025, se jsir fit-Teatru tal-Kulleġġ ta’ San Alwiġi f’Birkirkara.
Wara s-suċċess tal-edizzjonijiet ta’ qabel, il-Banda Peace se terġa’ toffri spettaklu li ċert li jolqot lil kull min iħobb il-mużika u d-dinja tal-films. Il-lejla se tkun mimlija b’siltiet magħrufa minn films bħal Pearl Harbour, The Rock u Gladiator, kif ukoll kanzunetti bħal Skyfall, When You Believe u I Will Always Love You. Ma jonqsux lanqas il-mużika minn films animati li tant inħobbu, fosthom Frozen, Moana u Despicable Me 2. Din hija biss ħarsa żgħira lejn dak li hemm ippjanat għal serata mimlija emozzjonijiet u mumenti sbieħ.
Din is-sena se tingħaqad mal-Banda Peace il-kantanta Amber, flimkien ma’ żeffiena mill-A-Line Dance Academy ta’ Alana Bondin, li żgur iżidu mal-atmosfera. Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Lino Pirotta, il-banda se toħloq esperjenza li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet permezz tal-mużika tal-films li baqgħet magħna maż-żmien.
Għal aktar tagħrif jew biljetti, tista’ żżur http://bandapeacenaxxar.com








