Tnediet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-programm Milied f’Għawdex bi kważi 165 attività mfassla għall-familji kollha, li jibdew fl-29 ta’ Novembru 2025 u jibqgħu sejrin sat-6 ta’ Jannar 2026. Il-ftuħ ikun bil-kunċert “Christmas it’s Time” fit-Teatru tal-Opra Aurora, fil-Belt Victoria, filwaqt li l-qofol tal-festi jkun lejlet l-Ewwel tas-Sena bi spettaklu kbir fir-Rabat, b’parteċipazzjoni ta’ kantanti lokali u l-mistiedna internazzjonali Eiffel 65.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, qal li l-Ministeru pprepara programm estensiv imxerred mal-gżira kollha b’kollaborazzjoni ma’ diversi organizzazzjonijiet u kunsilli lokali. Żied jgħid li l-Milied f’Għawdex sar avveniment ewlieni li joffri esperjenza unika u li s-settur turistiku fil-gżira kompla jissaħħaħ, speċjalment fl-istaġuni tradizzjonalment aktar kwieti.
Il-programm jinkludi diversi attivitajiet popolari bħall-Parata tal-Milied fir-Rabat, Betlehem f’Għajnsielem, Dinja tat-Tfal fil-Villa Rundle b’Christmas Market u Illuminated Gardens, il-pantomima Robin Hood and the Babes in the Wood fit-Teatru Astra, Christmas Magic f’Għar Ilma, Santa’s Workshop f’Ta’ Dbieġi, kif ukoll kunċerti, carols u presepji tradizzjonali. L-attivitajiet kollha huma maħsuba biex joħolqu atmosfera ferriħija u mimlija kultura matul l-istaġun.
Il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema, l-organizzaturi, l-artisti u l-voluntiera kollha li bil-kontribut tagħhom jagħmlu dan iż-żmien wieħed speċjali.
Jista’ jintlaħaq aktar tagħrif u aġġornamenti fuq il-paġna uffiċjali tal-avveniment fuq http://eventsingozo.com








