Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti, nieda skema ġdida li tnaqqas l-ispiża tas-self bankarju għas-soċjetajiet mużikali Maltin u Għawdxin. Bl-allokazzjoni ta’ €280,000, din l-iskema għandha l-għan li tgħin lill-każini jagħmlu r-rinnovazzjonijiet u l-proġetti meħtieġa biex isaħħu l-faċilitajiet tagħhom u r-rwol tagħhom fil-komunità.
Permezz tal-iskema, każin li jieħu self mingħand bank kummerċjali jista’ jibbenefika minn sussidju annwali ta’ 50% fuq l-imgħax tas-self approvat, fuq massimu ta’ €500,000, u għal perjodu ta’ sa għaxar snin. Is-sejħa taħdem fuq bażi ta’ “first come first served” sal-17 ta’ Novembru 2026 jew sakemm jintemmu l-fondi.
Soċjetajiet li s-sede tagħhom inxtrat mill-Gvern biex jiġu evitati żgumbramenti marbutin mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995 ma jistgħux japplikaw.
Il-Ministru Bonnici qal li s-soċjetajiet mużikali għandhom tradizzjoni twila ta’ servizz kulturali, u din il-miżura se tnaqqas il-piż tal-imgħax għoli u tgħinhom jippjanaw b’aktar serjetà u ċertezza. Dan, qal, huwa pass ċar biex il-gvern isaħħaħ strutturi kulturali b’mod konkret u responsabbli.
Dr Luke Dalli, Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, żied jgħid li l-iskema se tnaqqas b’mod sostanzjali l-piż finanzjarju fuq il-każini tal-banda, u b’hekk dawn ikollhom aktar flessibbiltà biex jinvestu fl-infrastruttura, fir-rinnovar u fil-ħidma kulturali tagħhom, filwaqt li jippjanaw għal futur aktar b’saħħtu għas-settur mużikali u komunitarju.
L-iskema hija miftuħa biss għal organizzazzjonijiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, li jikkwalifikaw bħala każini tal-banda jew soċjetajiet mużikali, u li għandhom self approvat jew li jinsabu fil-proċess tal-approvazzjoni.
Il-perjodu eliġibbli għall-imgħax jifrex bejn l-1 ta’ Jannar 2026 u t-31 ta’ Diċembru 2035.
Għal aktar dettalji u kriterji ta’ eliġibbiltà żur il-websajt tal-Kunsill Malti għall-Arti https://artscouncil.gov.mt












