Ir-Reġjun tal-Port magħżul bħala r-Reġjun tal-Kultura 2026
Ir-Reġjun tal-Port se jġorr it-titlu ta’ Reġjun tal-Kultura għas-sena 2026, hekk kif il-mandat tar-Reġjun Għawdex bħala Reġjun tal-Kultura 2025 wasal fi tmiemu. Din l-inizjattiva tagħżel kull sena reġjun differenti f’Malta biex jorganizza programm varjat ta’ attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet tiegħu.
L-aħbar tħabbret mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fil-preżenza tal-President tal-Kunsill tar-Reġjun tal-Port Paul Farrugia, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emile Vassallo.
L-inizjattiva, imnedija fl-2022 mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, għandha l-għan li tippromwovi l-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin. Issa tinsab fir-raba’ sena tagħha, u fl-2026 ser tiċċelebra l-wirt uniku u r-rikkezza kulturali tar-Reġjun tal-Port.
Fil-kummenti tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli sostniet li r-Reġjun tal-Port jiftaħar b’wieħed mill-isbaħ portijiet fid-dinja, fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura għal żmien qabel Kristu, swar u fortifikazzjonijiet b’storja ta’ sekli, kif ukoll knejjes, mużewijiet, bereġ u palazzi li jirrakkontaw l-istorja ta’ pajjiżna. Hija saħqet li minkejja d-differenzi fil-qies tal-lokalitajiet, kollha huma għonja bil-valuri u l-identità tagħhom.
Hija rrimarkat ukoll li l-attività turistika fir-Reġjun tal-Port żdiedet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, riżultat tal-ħidma tal-kunsilli lokali. Dan il-programm kulturali se jkun opportunità biex il-lokalitajiet ikomplu jiżviluppaw u jsaħħu l-identità tagħhom.
Matul l-2026, il-kunsilli fir-reġjun mhux biss se jkomplu bil-programm tagħhom, iżda se jżidu wkoll aktar attivitajiet marbutin mar-Reġjun tal-Kultura. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lir-Reġjun ta’ Għawdex għall-programm suċċesswali li nissel l-enfasi fuq ir-reliġjon, il-folklor u l-gastronomija Għawdxija.
Id-Direttur Ġenerali Emile Vassallo spjega li dan il-proġett joffri pjattaforma biex jiġi onorat il-wirt kulturali tar-Reġjun tal-Port, filwaqt li jinvolvi b’mod attiv il-komunitajiet lokali.
Il-President tar-Reġjun, Paul Farrugia, żvela wkoll il-motto għas-sena 2026: “Fejn l-istorja tankarja u l-mewġ jiggwidana”. Huwa sostna li dan l-unur se jservi biex il-kunsilli tal-Port isiru aktar reżiljenti u jgħollu l-valur tal-lokalitajiet tagħhom kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
Ir-Reġjun tal-Port jinkludi l-lokalitajiet tal-Birgu, Bormla, l-Isla, Kalkara, il-Belt Valletta, il-Furjana, ix-Xgħajra, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.
Ritratti: (DOI/MCLG_PS)











