Fi Brussell, waqt il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea responsabbli mill-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport – li din is-sena sar taħt il-Presidenza Daniża tal-UE u ffoka fuq l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) fis-settur kulturali – il-Ministru għall-Kultura, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq fuq l-importanza li l-IA tintuża b’mod responsabbli, etiku u b’benefiċċju dirett għall-kreattivi u s-soċjetà kollha.
Il-Ministru Bonnici spjega li, minkejja l-benefiċċji kbar li ġġib magħha l-IA, jeżistu wkoll tħassib u sfidi reali għall-industriji kreattivi jekk din it-teknoloġija ma tkunx imħaddma b’mod tajjeb u regolat. Sostna li l-prijorità għandha tibqa’ dejjem li l-IA sservi biex tissaħħaħ il-ħidma tal-artist, mhux tissostitwixxih.
F’dan il-kuntest, il-Ministru talab għal qafas strutturat u koordinat fuq livell Ewropew sabiex tiġi assigurata implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-IA fil-qasam kulturali. Dan mhux biss jara li jkun hemm level playing field bejn l-Istati Membri, iżda jagħti wkoll ċertezza u garanziji lill-artisti dwar l-użu etiku tat-teknoloġija.
Hu kompla jispjega li kull regolamentazzjoni għandha tfittex bilanċ fin: għandha tipproteġi l-kreattivi, imma fl-istess ħin ma tfixkilx l-innovazzjoni li hija kruċjali għall-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi.
Il-Ministru Bonnici tenna wkoll li l-professjonisti kollha fis-setturi tal-arti u l-kultura għandhom jingħataw taħriġ adegwat fl-għodod tal-IA sabiex ikunu jistgħu jagħrfu l-potenzjal sħiħ tagħha u jużawha bħala għodda li tgħinhom jilħqu livelli ogħla ta’ kreattività u effiċjenza.
Hu żied li din id-diskussjoni ma ssirx tifsira jekk ma nżommux quddiem għajnejna l-għan li l-kultura għandha tkun aċċessibbli kuljum u għal kulħadd, biex is-settur kreattiv jilħaq is-soċjetà kollha u jagħmilha parteċipi fih.
Matul il-Kunsill, saret ukoll diskussjoni importanti dwar il-protezzjoni tal-Wirt Kulturali f’Gaża. Il-Ministru Bonnici sostna li l-kultura tibqa’ pilastru ewlieni tal-paċi u tad-djalogu bejn il-popli, u tenna li Malta se tkompli tagħti l-kontribut tagħha biex jiġi mħares il-wirt kulturali għal ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
Il-Ministru intervjena wkoll fid-dibattitu dwar il-“Kumpass Kulturali”, inizjattiva mmexxija mill-Kummissarju Malti Glen Micallef. Huwa faħħar dan l-istrument għaliex jirrappreżenta pass essenzjali fl-iżvilupp kulturali u ċelebrazzjoni tal-wirt artistiku tagħna, filwaqt li joffri bażi soda għal aċċess usa’ għaż-żgħażagħ u l-komunitajiet.
Ritratt: MCLG








