L-istaġun tal-Milied se jieħu dehra aktar maġika bis-Suq tal-Milied fil-Palazz Francesco f’Ħal Lija, li se jsir bejn id-19 u l-21 ta’ Diċembru 2025. Din iċ-ċelebrazzjoni ta’ tlett ijiem se ssir f’dan il-Palazz storiku li, għall-ewwel darba, se jkun miftuħ għall-pubbliku — fatt li jagħti lill-avveniment dimensjoni speċjali u unika.
Is-suq se jiftaħ uffiċjalment nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Diċembru fis-5pm, fejn il-President ta’ Malta, l-E.T. Myriam Spiteri Debono, se tkun preżenti għall-inawgurazzjoni. Il-festi ta’ nhar il-Ġimgħa jibqgħu sejrin sal-11pm, filwaqt li s-Sibt u l-Ħadd il-bibien is-suq ikunu miftuħin mit-10am sal-11pm, sabiex kulħadd ikollu ċans igawdi l-esperjenza.
Il-viżitaturi se jsibu diversi stands tematiċi tal-Milied immexxija minn NGOs, fejn il-qligħ kollu jmur direttament għall-kawżi tagħhom — ġest ta’ solidarjetà u mħabba li jagħmel dan il-perjodu tal-Milied aktar ta’ tifsira. Matul it-tlett ijiem, l-atmosfera se tissebbaħ bil-mużika ta’ 13-il għaqda tal-banda minn lokalitajiet differenti ta’ Malta.
It-tfal ukoll se jkunu ċentru tal-festa: se jkun hemm animazzjonijiet, logħob u mascots tal-Milied li jduru mas-suq u jżidu l-ferħ u l-ħajja. Tradizzjoni importanti tal-istaġun se tkun preżenti permezz ta’ wirja ta’ madwar 20 presepju esebiti b’mod artistiku u mżejjen għall-pubbliku.
Sabiex il-parkeġġ ikun faċli u aċċessibbli, se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn il-parkeġġ tal-Giovanni Curmi Higher Secondary u l-Palazz Francesco. Barra minn hekk, is-suq huwa kompletament aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, sabiex ħadd ma jibqa’ barra minn din l-esperjenza.
Dan is-Suq tal-Milied huwa opportunità ideali għall-familji biex iqattgħu ħin flimkien, igawdu l-maġija tal-istaġun u jkunu parti minn avveniment li jgħaqqad il-komunità f’ambjent straordinarju.










