Festivals Malta nieda l-14-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival, li se ssir bejn it-8 u l-25 ta’ Jannar 2026. Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Dr Owen Bonnici, ħabbar id-dettalji tal-festival waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-Sala dei Cavalieri fil-Malta Society of Arts. Huwa rrimarka li dan il-festival jibqa’ prova ċara ta’ kemm il-wirt kulturali Malti kapaċi jibqa’ rilevanti, jispira u jattira udjenzi ġodda. Żied jgħid li l-interess fil-festival ikompli jikber sena wara sena, u li dan jikkonferma lil Malta bħala ċentru kulturali importanti fuq livell internazzjonali.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra, sostna li l-Valletta Baroque Festival huwa fost l-aktar avvenimenti kulturali prestiġjużi li jsiru f’pajjiżna, u li joffri lill-udjenza esperjenza unika tal-mużika barokka f’postijiet storici mill-isbaħ. Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Frans Agius enfasizza l-impenn tal-aġenzija li tkompli tipprovdi pjattaforma għal talent lokali u internazzjonali ta’ livell għoli.
Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona, din l-edizzjoni se toffri programm eċċezzjonali b’għadd ta’ artisti rinomati. Il-festival jiftaħ b’Messa de Morti à 5 Concertata ta’ Bonaventura Rubino, ippreżentata minn Ensemble La Cantoria taħt id-direzzjoni ta’ Vincenzo Di Betta fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Fost il-kunċerti ewlenin hemm il-Quattro Stagioni ta’ Vivaldi, li se jsiru fit-Teatru Manoel bil-parteċipazzjoni ta’ Charlie Siem, Carmine Lauri u Maximilian Hornung flimkien mad-De Valette Chamber Orchestra. Tfal u familji se jkollhom ukoll opportunità jattendu għall-kunċert interattiv Chirping of the Nightingale fl-11 ta’ Jannar.
Il-programm jinkludi wkoll xogħlijiet vokali sagri mit-Tenebrea Choir, ir-ritorn tal-Valletta Baroque Ensemble, u l-esekuzzjoni ta’ Bach’s Lutheran Masses mill-Excelsior Choir & Consort. Attrazzjoni ewlenija oħra hija r-revival tal-opra barokka Pelopida tal-kompożitur Malti Girolamo Abos, li se tittella’ għall-ewwel darba f’Malta f’produzzjoni sħiħa fit-Teatru Manoel. Din tinkludi d-direzzjoni mużikali ta’ Giulio Prandi, direzzjoni teatrali ta’ Brett Nicholas Brown, kostumi ta’ Luke Azzopardi u disinn tas-sett ta’ Anthony Bonnici, bl-Arianna Art Ensemble u diversi solisti internazzjonali.
Il-festival se jittella’ f’għadd ta’ postijiet storiċi fosthom il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Palazz tal-Verdala, il-Palazz ta’ San Anton, Palazzo Parisio, il-Każin Malti, il-Librerija Nazzjonali u diversi knejjes madwar Malta—postijiet li joffru sfond uniku u li jsaħħu l-esperjenza tal-udjenzi.
L-edizzjoni ta’ din is-sena se tilqa’ wkoll il-konferenza tar-Réseau Européen de Musique Ancienne (REMA), li se ssir bejn l-20 u t-22 ta’ Jannar. Il-konferenza se tiġbor għadd ta’ professjonisti mill-Ewropa f’programm ta’ diskussjonijiet, workshops u sessjonijiet dwar il-mużika bikrija, inkluż lectures relatati mal-wirt mużikali Malti u t-tranżizzjoni sostenibbli fis-settur.
Kenneth Zammit Tabona tenna li dan il-festival ikompli jpoġġi lil Malta, u partikolarment lil Belt Valletta, fuq il-mappa internazzjonali tal-mużika barokka, b’udjenzi li jvarjaw minn dilettanti lokali sa turisti kulturali.
Il-Valletta Baroque Festival 2026 huwa organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, u bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Visit Malta u Schweppes.
Għal aktar tagħrif u biljetti: www.festivals.mt/vbf











