Matul dan ix-xahar ta’ festi se jkunu qed jittellgħu erba’ attivitajiet maġġuri fil-Kottonera b’rabta mal-Milied. Dawn l-attivitajiet huma parti minn 56 attività li se jiġu organizzati madwar Malta u Għawdex b’investiment ta’ aktar minn €700,000. L-attivitajiet fil-Kottonera tħabbru, f’konferenza tal-aħbarijiet, mis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli fil-preżenza tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Emile Vassallo, u s-sindki tal-lokalitajiet ta’ Bormla, l-Isla, il-Birgu u l-Kalkara.
Il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jkun qed itella’ ġimgħa sħiħa ta’ attivitajiet, mit-22 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Diċembru, fejn se jkun hemm diversi bankarelli b’ikel, ħelu u xorb tradizzjonali, artiġjanat, banda u anke presepju ħaj. Dawn l-attivitajiet se jkunu qed isiru mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn l-16:00 u l-23:00 u s-Sibt u l-Ħadd bejn l-10:00 u l-23:00.
Min-naħa l-oħra, il-Kunsill Lokali tal-Isla se jkun qed itella’ fiera tal-Milied, nhar is-Sibt 6 ta’ Diċembru, li ser tibda b’mixegħla tal-Milied, u kif ukoll b’daqq ta’ innijiet tal-Milied. Dak in-nhar stess fil-Pjazza imbagħad se tkun qed jitella’ spettaklu ta’ kant marbut mal-festi tal-Milied, logħob għat-tfal, u bankarelli bl-ikel Malti.
Fil-belt tal-Birgu, se jkunu qed jittellgħu għadd ta’ attivitajiet fosthom numru ta’ kunċerti, bejn it-13 u t-23 ta’ Diċembru, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz u fil-Knisja tal-Lunzjata. Fit-toroq tal-Birgu, matul dawn il-jiem, se jkun hemm diversi gruppi mużikali li se joħolqu atmosfera festiva tal-Milied kif ukoll fiż-żona ta’ ‘Fuq il-Ħawli’. Attrazzjoni ewlenija se tkun l-islitta ta’ Santa Klaws li se ddur it-toroq ta’ din il-belt bir-rigali. Finalment, se terġa’ ssir il-mixegħla annwali tat-toroq tal-Birgu b’tiżjin sabiħ tal-Milied u disinn ġdid tad-dawl tal-Milied fid-daħla tal-Belt Vittoriosa sabiex tagħti dehra isbaħ lil din il-belt f’dawn il-jiem ta’ festi.
Nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta’ Diċembru, il-Kunsill Lokali tal-Kalkara se jkun qed jorganizza edizzjoni oħra ta’ ‘Trejqet il-Milied’. Din is-sena, l-attività ser tiffoka aktar fuq mużika live kif ukoll logħob u attrazzjonijiet b’xejn għat-tfal. Infatti, l-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi lill-kor minn Centrestage, lil Thea Gauci, lil Ta’ Verna Folk Band, lil Jessica Muscat u serata minn Kevin Borg. Bħal kull sena se jkunu qed jieħdu sehem il-baned tal-Kalkara, b’kollox jibda fl-16:30 f’Misraħ l-Arċisqof Gonzi, Triq ir-Rinella u Pjazza Sagra Familja.
Intant, dwar dawn l-attivitajiet, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet kif dawn l-erba’ kunsilli lokali qed jaħdmu biex kull ma jmur ikomplu jtejjbu l-prodott u l-potenzjal tal-ibliet tal-Kottonera. Qalet kif il-Kottonera qed issir destinazzjoni għal diversi persuni u mhux b’anqas fi żmien il-Milied.
“Matul din is-sena rajna diversi attivitajiet li ttellgħu fil-lokalitajiet differenti tal-Kottonera, u għalhekk ma jistax jonqos li jitella’ programm vast għal dawn iż-żminijiet ta’ festi. L-attivitajiet huma maħsuba sabiex in-nies tal-Kottonera jkunu jistgħu jgawdu dawn il-festi f’pajjiżhom stess, iżda wkoll għandhom l-għan sabiex jiġbdu aktar nies lejn il-Kottonera matul dawn iż-żminijiet. Bħala Gvern ċentrali se nibqgħu nkunu ta’ spalla mal-Kunsilli Lokali kollha sabiex ikunu jistgħu jtellgħu attivitajiet staġjonali ta’ kwalità, liema attivitajiet għandhom l-għan li jtejjbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin pari passu mal-Viżjoni Malta 2050,” qalet Zerafa Civelli.
Is-segretarja parlamentari temmet tgħid li matul iż-żminijiet il-Kottonera stabbilixxiet ruħha bħala destinazzjoni għall-festi tal-Għid, u hekk qed taħdem biex tistabbilixxi lilha nnifisha bħala destinazzjoni għal żmien il-Milied.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali, Emile Vassallo, saħaq li d-diviżjoni se tibqa’ tappoġġa lill-Kunsilli Lokali permezz ta’ diversi skemi matul is-sena d-dieħla, liema skemi huma intiżi sabiex ikun ta’ appoġġ finanzjarju għall-ħidma tal-Kunsilli u sabiex il-Kunsilli jkunu jistgħu jtellgħu attivitajiet għaċ-ċittadini.
Is-Sindki tal-erba’ lokalitajiet; Marco Agius, John Boxall, Clive Pulis u Wayne Aquilina, irringrazzjaw lis-Segretarjat Parlamentari u d-Diviżjoni tal-appoġġ kontinwu tagħhom matul is-sena b’mod partikolari fejn jidħlu attivitajiet kulturali. Qalu kif permezz tal-iskema tal-attivitajiet tal-Milied maħruġa madwar il-pajjiż kollu, pajjiżna se jkollu għażla vasta ta’ attivitajiet differenti matul ix-xahar kollu ta’ Diċembru.








