Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarju organizza l-14-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat, li kull sena jagħti rikonoxximent lil persuni u għaqdiet li jispikkaw fil-qasam volontarju u jikkontribwixxu għal soċjetà aħjar.
Din is-sena ġew sottomessi 44 nominazzjoni, u waqt iċ-ċerimonja nħabbru u ġew ippreżentati sitt premjijiet:
-
Premju Nazzjonali tal-Voluntier tas-Sena: Mario Darmanin – Malta Frame Football
-
Premju Voluntier Żagħżugħ/a (16–30 sena): Emma Cauchi – Baden Powell Scouts Malta
-
Premju Nazzjonali għal Organizzazzjoni Volontarja: S.T.A.N.D. – Striving Towards Ability Not Disability
-
Victor Calvagna Children Volunteer Award (10–15 sena): Jan Weening Attard – The Malta Rabbit Club
-
Premju Speċjali għas-Servizz Volontarju: Janatha Stubbs
-
Premju Speċjali Proġett tas-Sena fil-Volontarjat: “Safe Home” – St John Rescue Corps
Iċ-ċerimonja saret fil-lejlet il-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat, iċċelebrat globalment kull 5 ta’ Diċembru.
Il-premju ewlieni intrebaħ minn Mario Darmanin tal-Malta Frame Football, filwaqt li l-organizzazzjoni volontarja tas-sena kienet S.T.A.N.D. Il-Premju Speċjali ngħata lil Janatha Stubbs bħala rikonoxximent għad-dedikazzjoni twila tagħha fosthom fit-twaqqif tar-Razzett tal-Ħbiberija, illum parti mill-Fondazzjoni Inspire.
Matul iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia qalet li l-volontarjat huwa pilastru essenzjali fis-soċjetà, u li l-voluntiera huma l-ispirazzjoni li tmexxi komunità aktar ġusta, sensittiva u magħquda. Hija qalet li l-Gvern jibqa’ impenjat biex isaħħaħ strutturi u riżorsi li jippermettu lill-voluntiera jaqdu l-missjoni tagħhom b’mod professjonali u sostenibbli.
Il-President tal-Kunsill, Gertrude Buttigieg, enfasizzat il-valur profond tal-Jum Internazzjonali tal-Volontier, u fakkret fl-eluf ta’ nies li jagħtu l-iktar rigal prezzjuż – il-ħin tagħhom – biex jappoġġaw kawżi li huma għal qalbhom.
Il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju jibqa’ kommess li jsaħħaħ il-ħidma tal-voluntiera u tal-għaqdiet, li tikkontribwixxi mhux biss għal soċjetà aktar b’saħħitha, iżda wkoll għal tkabbir personali u komunitarju.
















