Malta kkonfermat li fl-2026 se tieħu sehem mhux biss fil-Biennale tal-Arti ta’ Venezja, iżda wkoll – għall-ewwel darba – fil-Biennale ta’ Gwangju fil-Korea t’Isfel, wieħed mill-aktar avvenimenti prestiġjużi tal-arti kontemporanja fl-Asja. L-annunzjar sar waqt attività fil-Malta International Contemporary Art Space (MICAS), organizzata mill-Ministeru għall-Kultura u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dawn iż-żewġ pjattaformi ta’ livell għoli turi kemm il-kalibru tal-artisti Maltin qed jiġi rikonoxxut madwar id-dinja. Huwa saħaq li d-debutt ta’ Malta fi Gwangju huwa pass importanti biex il-preżenza kulturali tagħna tkompli tespandi lil hinn mill-Ewropa, filwaqt li rringrazzja lill-Kunsill Malti għall-Arti għad-dedikazzjoni tiegħu fit-tisħiħ tas-settur.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Dr Luke Dalli, sostna li l-parteċipazzjoni f’Venezja u Gwangju tirrifletti impenn sħiħ lejn l-eċċellenza artistika u l-bini ta’ preżenza kulturali b’saħħitha fuq livell globali. Żied li dawn il-proġetti jiġbru flimkien artisti, kuraturi u produtturi li jkomplu jimbuttaw il-fruntieri kreattivi u jiftħu spazji ġodda għad-djalogu internazzjonali.
Il-Padiljun ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezja 2026
Il-61 edizzjoni tal-Biennale ta’ Venezja, bit-tema In Minor Keys – magħżula mill-mibkija kuratriċi Koyo Kouoh – se tistħarreġ il-“minor keys” fil-mużika u d-dimensjonijiet poetici u sensorjali tagħhom.
Il-Padiljun ta’ Malta, bit-titlu No Need to Sparkle; Experiments in Love and Revolution, se jkun ikkurat minn Margerita Pulè u se jinkludi xogħlijiet ta’ Adrian MM Abela, Charlie Cauchi u Raphael Vella. Bejn id-9 ta’ Mejju u t-22 ta’ Novembru, il-Padiljun se jħares lejn ir-realtajiet kontemporanji permezz tal-kunċett Aristoteliċu ta’ “dubju għaqli”, waqt li joħloq stejjer fittizji b’saffi u narrattivi li jiżżerżqu minn forma għal oħra.
Il-kuratriċi spjegat li l-proġett jistrieħ fuq materjal storiku u kontemporanju u jkabbar l-idea li dak li naraw bħala “veru” ħafna drabi huwa soġġett għall-perċezzjoni. L-installazzjonijiet se jdawwru lill-viżitaturi f’ambjent li jħaddan l-ambigwità u diversi prospettivi.
Il-proċess tal-għażla kien f’idejn Dr Katya Micallef, Perit Adrian Mamo u Daniel Azzopardi, u ġie mmoderatt minn Dr Romina Delia.
Id-debutt ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju 2026
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Gwangju – li se ssir bejn Settembru u Diċembru tal-2026 – se titwettaq permezz tal-proġett BEJN / IN-BETWEEN, taħt it-tema internazzjonali You Must Change Your Life. Il-proġett se jiġi ospitat fil-Horanggasy Art Polygon Gallery.
It-tim artistiku jinkludi lil Norbert Francis Attard, Sam Alekksandra, Julien Vinet u Michael Quinton, taħt id-direzzjoni artistika ta’ Toni Attard. L-esperjenzi estiżi (XR) se jkunu pprovduti minn Infinita taħt Mark Anthony Sammut.
L-artisti spjegaw li l-proġett se joħloq “ekosistema” li tgħaqqad Malta u l-Korea permezz ta’ spazju immersiv li jittrasforma l-Padiljun f’għatba simbolika – spazju fejn realtajiet opposti jistgħu joħolqu dawl ġdid flimkien.
Ix-xogħol ta’ Norbert Attard jiddeskrivi l-identità Maltija permezz ta’ lastku fil-Polygon ArtGallery, filwaqt li PONKS’ Rope Temple fil-GlassPolygon joffri rabta poetika bejn iż-żewġ pajjiżi permezz ta’ versi u ħbula sagri. L-installazzjoni ta’ Michael Quinton fil-BasePolygon tinvolvi ħoss, esperjenzi tranżnazzjonali u workshops kreattivi.
Il-proċess tal-għażla għal Gwangju kien immexxi minn Dusu Choi, Sean Buhagiar u Rupert Cefai, b’moderazzjoni ta’ Dr Romina Delia.











