L-Eċċellenza Tiegħu Clifford Galea Vella, Kummissarju Għoli ta’ Malta għan-Namibja, jinsab fin-Namibja għal diversi laqgħat bil-għan li jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-zewġ pajjiżi.
Galea Vella ltaqa’ man-Namibian Investment Promotion & Development Board (NIPDB) sabiex ikunu esplorati toroq ġodda ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Matul il-laqgħa ġew identifikati diversi oqsma b’potenzjal għoli ta’ kollaborazzjoni, b’mod speċjali fis-setturi tas-sajd, l-edukazzjoni u l-agrikoltura. Dawn huma setturi li jistgħu joffru opportunitajiet ta’ skambju ta’ esperjenza u inizjattivi konġunti li jagħtu benefiċċji reali kemm lil Malta kif ukoll lin-Namibja.
“Din il-laqgħa tikkonferma l-impenn kontinwu biex jinbnew ponti aktar b’saħħithom ta’ kooperazzjoni u biex jiġu esplorati strateġiji li jsaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u istituzzjonali bejn iż-żewġ pajjiżi”, tenna Clifford Galea Vella.
Laqgħa oħra saret mal-Koordinatur u ko-fundatur ta’ Genius Robotics. Genius Robotics Namibia hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ ibbażata f’Windhoek li tgħin lit-tfal u ż-żgħażagħ biex jissaħħu fl-oqsma ta’ STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika). L-organizzazzjoni tagħti taħriġ fir-robotika, titgħallem il-kodifikazzjoni, il-bini u tħejji lit-timijiet sabiex jikkompetu fuq livell internazzjonali.
Għada, l-Ambaxxatur ta’ Malta għan-Namibja ser ikun qed jiltaqa’ wkoll mal-Ambaxxatriċi tal-Unjoni Ewropea għan-Namibja Ana Beatriz Martins kif ukoll mistieden għall-iskambju tal-Awguri tal-aħħar tas-Sena li jsiru mill-Ministeru għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u kummerċ.








