L-Aġenzija Sedqa, li taqa’ taħt il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), flimkien mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), nediet ktejjeb ġdid bi riċetti ta’ mocktails kreattivi – xarbiet li jixbħu lill-cocktails iżda mingħajr alkoħol. Din l-inizjattiva, imfassla speċjalment għall-familji, iż-żgħażagħ u l-professjonisti tal-ospitalità, tfittex li toffri alternattivi friski u attraenti, partikolarment f’dan l-istaġun festivi.
L-għan ewlieni hu li tissaħħaħ il-kuxjenza dwar għażliet responsabbli f’avvenimenti soċjali, u li twassal il-messaġġ li wieħed jista’ jgawdi l-ħin tiegħu mingħajr il-ħtieġa tal-alkoħol jew sustanzi oħra. Il-preżentazzjoni tal-ktieb saret fil-Kampus tal-ITS f’Ħal Luqa.
Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu ta’ Sedqa biex tippromwovi stil ta’ ħajja b’saħħtu u tnaqqas ir-riskji relatati mal-abbuż mill-alkoħol.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, faħħar lill-Sedqa u lill-ITS għall-kollaborazzjoni soċjali tagħhom, li tħeġġeġ lill-komunità tagħti prijorità lis-saħħa u l-benesseri. Huwa fakkar li l-abbuż mill-alkoħol jista’ jkollu konsegwenzi serji li jmorru lil hinn mill-festi nfushom.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tenna li l-abbuż mill-alkoħol u d-droga qatt mhumiex soluzzjoni, u enfasizza l-ħtieġa li l-edukazzjoni dwar dawn il-perikli tibda minn età żgħira.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, rrikonoxxa l-ħidma kontinwa ta’ Sedqa, partikolarment l-isforzi edukattivi li jibdew fl-iskejjel.
Sedqa u l-FSWS irringrazzjaw lill-ITS u lil Farsons għall-appoġġ tagħhom, li għen biex jinħoloq prodott ta’ kwalità għall-komunità u s-settur tal-ospitalità. Il-ktieb se jkun disponibbli għall-pubbliku permezz tas-servizzi ta’ Sedqa.











