Ħaddiema fl-industrija tat-turiżmu qed jingħataw taħriġ speċjalizzat biex itejbu l-inklużjoni ta’ persuni għomja u b’vista baxxa. Dan qed isir permezz ta’ inizjattiva tal-Malta Visual Non-Visual Network (VNVN), b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li tiffoka fuq prattiċi aċċessibbli fis-servizzi turistiċi u fl-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, ippreżenta ċertifikati ta’ taħriġ lill-impjegati tal-lukanda ME Melia f’San Ġiljan, waħda mill-ewwel li adottat dan it-taħriġ, kif ukoll lill-Preluna Hotel f’Tas-Sliema u lill-Euro Club Hotel fil-Qawra.
Il-proġett, magħruf bħala Meet and Greet Compliments, jinkludi sessjonijiet prattiċi fejn il-ħaddiema jiltaqgħu direttament ma’ membri tal-VNVN u jitgħallmu kif jilqgħu u jassistu aħjar lill-klijenti għomja jew b’vista baxxa. Fost l-aspetti koperti hemm deskrizzjonijiet ċari tal-ispazji, l-użu ta’ mapep li jinqraw billi jintmessu, sistemi ta’ mmarkar fil-kmamar u soluzzjonijiet oħra ta’ aċċessibbiltà.
Il-Ministru Borg faħħar il-kollaborazzjoni bejn il-VNVN u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, filwaqt li rringrazzja lin-negozji li qed jieħdu sehem. Huwa enfasizza li dan it-taħriġ jgħin biex jiġu identifikati titjib konkreti li jagħmlu l-istabbilimenti aktar inklussivi, sabiex residenti u turisti b’diżabilità viżiva jħossuhom tassew milqugħin.
Min-naħa tagħha, is-Segretarja Internazzjonali tal-VNVN, Bridget Micallef, saħqet fuq l-importanza li l-ħaddiema joffru servizz rispettuż, sigur u komdu, filwaqt li rrimarkat li ċerti servizzi, bħas-self-service fl-ikel, mhux dejjem huma adattati u jeħtieġu aktar assistenza.
Il-fundatur tal-VNVN, Noel Farrugia, spjega li l-organizzazzjoni toffri taħriġ simili f’oqsma oħra bħall-ħwienet, it-trasport, is-saħħa, postijiet reliġjużi u banek, biex tissaħħaħ l-inklużjoni fis-soċjetà. L-inizjattiva ġiet milqugħa wkoll miċ-Chairman tal-Paceville Town Centre Management, Philip Fenech, li qal li din tgħolli l-livell tal-eċċellenza fis-servizz.
Waqt l-attività, id-Deputat Prim Ministru ppreżenta wkoll rigal lil Lee Abela, wieħed mill-iżgħar membri attivi tal-VNVN li qed jipparteċipa fis-sessjonijiet ta’ taħriġ.
Aktar informazzjoni dwar Meet and Greet Compliments u l-Visual Non-Visual Network tista’ tinkiseb permezz ta’ email fuq [email protected].
Ritratti (ODPM-MFT)










