L-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, żaret is-Seminarju Minuri tal-Arċisqof bħala parti mill-kampanja BOV L-Istrina Piggy Bank.
Matul iż-żjara tagħha, il-President kienet akkumpanjata mill-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, kif ukoll mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
Fl-indirizz tagħha lill-istudenti, il-President ħeġġithom biex huma wkoll jagħmlu parti minn L-Istrina ta’ din is-sena billi jikkontribwixxu, anke b’ammont żgħir, b’risq il-kampanja Piggy Bank. Hija spjegat li matul is-sena ltaqgħet ma’ studenti li, wara l-iskola, ma jkollhomx familja fejn imorru, kif ukoll ma’ oħrajn li qed jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba mard li affettwa lilhom jew lill-familji tagħhom. Fakkret li dawn huma n-nies li jsibu wens u sostenn mill-Malta Community Chest Fund, li lejh imorru l-fondi miġbura permezz tal-kampanja Piggy Bank.
L-Eċċellenza Tagħha rreferiet ukoll għall-valuri Insara li jiffurmaw l-ethos edukattiv tas-Seminarju Minuri, u ħeġġet lill-istudenti biex iżommu qalbhom u moħħhom miftuħin għall-oħrajn, u jkunu ta’ spalla meta jkun hemm il-bżonn. Saħqet li anke ġesti żgħar ta’ kuljum huma essenzjali biex nibnu soċjetà li tħenn għall-proxxmu u li tiżgura li ħadd ma jitħalla lura.
Il-President ħeġġet ukoll lill-istudenti juru apprezzament lejn l-edukaturi tagħhom, filwaqt li rreferiet għall-edukazzjoni bħala l-pedament fit-tħejjija tal-mexxejja tal-futur. Hija fakkret li l-mexxejja mhumiex biss dawk fl-ogħla karigi tal-pajjiż, iżda jinsabu f’kull livell tas-soċjetà, inkluż fost l-istudenti nfushom, li appellatilhom biex ikunu eżempju u mexxejja fost sħabhom.
Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna rringrazzja lill-President taż-żjara tagħha, u sostna li bil-preżenza u l-impenn tagħha biex ngħinu lil dawk fil-bżonn permezz tal-Malta Community Chest Fund, qed turi li r-rwol ta’ min jirrappreżenta lill-Istat għandu jkun imnebbaħ minn kura ġenwina għal min għandu l-aktar bżonn. Żied jgħid li iktar ma tikber ir-responsabbiltà, iktar tikber is-sejħa biex wieħed jieħu ħsieb lill-proxxmu, u dan huwa l-ispirtu veru tal-Milied.
Il-Ministru Clifton Grima feraħ lill-istudenti li, flimkien mal-edukaturi u l-Learning Support Educators tagħhom, ipparteċipaw b’qalbhom kollha f’din l-inizjattiva. Huwa rrefera għall-kelma ‘Seminarju’, li ġejja mil-Latin seminarium, li tfisser żerriegħa, u qal li fl-istudenti qed jinżergħu mhux biss il-fidi u l-għarfien, iżda wkoll il-valuri li jagħmluhom ċittadini responsabbli u mexxejja ta’ għada.
Fi tmiem iż-żjara, l-Eċċellenza Tagħha wieġbet numru ta’ mistoqsijiet imħejjija mill-istudenti, li permezz tagħhom setgħu jsiru jafu aħjar lill-President, il-valuri u t-tradizzjonijiet li trabbiet fihom, kif ukoll il-ħidma tagħha matul il-Presidenza tagħha.
Ritratti: OPR













